L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia, ċaħad b’mod kategoriku l-akkużi li tqajmu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista dwar l-imparzjalità tiegħu u saħaq li d-deċiżjonijiet tiegħu huma bbażati fuq il-Kostituzzjoni, ir-regoli stabbiliti tal-Parlament u l-proċeduri Parlamentari.
Fi stqarrija uffiċjali, l-Uffiċċju tal-Ispeaker irrimarka li r-rwol tiegħu hu li jassigura ordni, ġustizzja u konformità mar-regoli stabbiliti. L-Ispeaker insista li r-rulings tiegħu fuq materji proċedurali, inklużi dawk relatati mar-rifjut ta’ dibattiti urġenti, dejjem isiru b’konsiderazzjoni ta’ prinċipji Parlamentari eżistenti.
L-istqarrija żiedet li l-Kamra tar-Rappreżentanti għandha proċedura demokratika li tippermetti li deċiżjonijiet tal-Ispeaker jiġu kkontestati formalment fi żmien jumejn.
Minkejja dan, l-ebda talba uffiċjali ma saret biex tikkontesta xi waħda mid-deċiżjonijiet tiegħu, fatt li jqajjem mistoqsijiet dwar l-intenzjonijiet wara l-kritika li qed issir.
ONE News informat li, f’din il-leġiżlatura, kien hemm mas-70 ruling mill-Ispeaker, li l-ebda wieħed minnhom qatt ma ġie appellat.
L-Uffiċċju tal-Ispeaker fakkar ukoll li hu għandu r-responsabbiltà li jżomm id-dixxiplina fil-Kamra u jieħu miżuri kontra membri Parlamentari li jmorru kontra l-awtorità tal-President tal-Kamra jew jostakolaw il-proċeduri fl-ogħla istituzzjoni. Dawn il-miżuri, skont l-istqarrija, m’għandhom qatt jiġu interpretati bħala politiċi, iżda huma neċessarji biex jiġi żgurat ordni fil-Parlament.
Fl-aħħar nett, l-Ispeaker appella biex il-politika tibqa’ ffokata fuq kwistjonijiet nazzjonali konkreti u mhux fuq attakki personali jew kontroversji proċedurali. Saħaq li hu jibqa’ impenjat biex iżomm il-Parlament bħala spazju ta’ dibattitu kostruttiv u progress leġiżlattiv.