Waqt ruling fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ċaħad ilment li għamel id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, wara li nqabad jiddieħaq b’Carmelo Abela waqt li dan emozzjona ruħu jitkellem dwar l-esperjenza qarsa li għadda minnha hu u familtu kawża tal-gideb ta’ Jason Azzopardi.
L-Ispeaker ġibed l-attenzjoni tal-atteġġjament fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra fejn kellha tiġbed l-attenzjoni diversi drabi għal imġieba mhux xierqa.
Is-Sedja ħassitha fid-dmir li, għal darb’oħra, tikkundanna kull aġir u diskors li ma jagħmilx ġieħ lid-dinjità tal-Kamra u tal-membri tagħha.
“Lil hinn minn dak li allegatament seta’ għamel xi membru ta’ din il-Kamra, id-dibattitu f’din il-Kamra għandu jkun dejjem wieħed ċivili ħalli d-diskussjoni tkun tista’ tkompli, u anke biex il-poplu jkun jista’ jsegwi dak li jkun qed jingħad ” temm jgħid l-Ispeaker.