Il-Parlament Spanjol qed jospita laqgħa f’Lanzarote, liema laqgħa qed tlaqqa’ flimkien l-Ispeakers tal-Parlamenti fir-reġjun tal-Mediterran biex jiddiskutu s-sitwazzjoni migratorja fil-Mediterran minn perspettiva tagħhom bħala dawk milquta minn din is-sitwazzjoni.
Waqt l-intervent li għamel l-Ispeaker Farrugia, ddikjara li waħda mill-kawżi tal-migrazzjoni irregolari u lli jkollok spostament minn diversi persuni huma kunflitti bħal dawk f’Gaża, fejn huwa għalhekk importanti li jkun hemm waqfien mill-ġlied fir-reġjun u jkun hemm il-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani. Semma kif dan jġib stabbiltà fir-reġjun flimkien ma’ stil ta’ ħajja aktar normali għan-nies.
Rigward l-immaniġġjar tal-immigrazzjoni, stqarr li huwa diffiċli u sensittiv peress li hemm fin-nofs il-ħajja tal-bnedmin, fejn saħaq li filwaqt li s-soluzzjonijiet finanzjarji jistgħu jgħinu iżda mhumiex biżżejjed, il-qsim perikoluż tad-dgħajjes u xi drabi fatali għandu jieqaf. Semma kif l-patt Ewropew dwar il-migrazzjoni mhux biżżejjed għax jonqos milli jilħaq bilanċ tajjeb bejn is-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam. Qal li għalhekk li żieda f’daqqa fin-numru ta’ wasliet teħtieġ soluzzjonijiet għal żmien qasir u urġenti, bl-isfidi kkawżati mill-flussi migratorji jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv permezz ta’ strateġiji fit-tul.
Farrugia rrefera ukoll għas-Summit tal-Belt Valletta tal-2015 li kien mportanti bħala pass lejn il-kisba ta’ soluzzjonijiet fit-tul għal kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, fejn anke semma kif d-diplomazija parlamentari tista’ tikkontribwixxi biex jitjiebu sitwazzjonijiet u realtajiet diffiċli bħas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni.
Huwa ressaq proposta biex ikun hemm Grupp ta’ Kelliema tal-Parlamenti tal-Mediterran aktar strutturat, biex dan il-grupp iservi bħala pjattaforma għad-djalogu, il-kollaborazzjoni, u l-iskambju ta’ ideat fost il-mexxejja leġiżlattivi fir-reġjun, komplementari mall-ħidma tal-Unjoni għall-Mediterran u l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.
Fi tmiem il-laqgħa, li tifforma parti mill-kalendarju tal-avvenimenti tal-Presidenza Spanjola tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, il-Presidenti preżenti f’din il-laqgħa adottaw Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament dwar in-Nofsinhar li tittratta l-indirizzar tal-flussi migratorji fir-reġjun, fejn anke matul il-ġurnata tat-Tlieta, il-Kelliema ser iżuru ċ-Ċentru ta’ akkoljenza u riferiment għall-migrazzjoni ta’ emerġenza ta’ Montana Mina.