L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia xejjen rapport mis-sit The Shift News fejn intqal li l-uffiċċju tiegħu baqa’ ma bgħatx informazzjoni lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Dan dwar kumpilazzjoni ta’ rapport fil-konfront tad-Deputat Rosianne Cutajar wara lment mill-membru tal-istess Assemblea Parlamentari Pieter Omtzigt.
Fi stqarrija s-Sibt filgħaxija, l-Uffiċċju tal-Ispeaker rrimarka kif għall-kuntrarju ta’ dak li rrapporta The Shift News, l-informazzjoni mitluba għal dan ir-rapport u li tikkonċerna fost oħrajn dettalji dwar laqgħat tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-konfront tad-Deputat Rosianne Cutajar, intbgħatet fit-18 ta’ Jannar li għadda.
L-istqarrija nnutat ukoll kif il-korrispondenza mill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-4 ta’ April, ma talbitx informazzjoni ġdida mill-Uffiċċju tal-Ispeaker dwar din il-materja.
L-Uffiċċju tal-Ispeaker temm jgħid li din l-aħħar korrispondenza spjegat kif ir-rapport se jkun qed jintbgħat lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti nnifsu malli jiġi ppubblikat.