“Ma jistax ikun hemm kejl u kejl, abjad jew iswed, iżda rridu mekkaniżmu globali li ma tagħraf ebda differenza jew favur”, qal l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta dalgħodu indirizza l-konferenza dwar il-ġustizzja soċjali fil-Parlament ta’ Malta.
Fid-diskors tal-ftuħ tal-konferenza, l-Ispeaker fakkar li f’Novembru tal-2007, il-Ġnus Magħquda waqqfet il-Jum Dinji dwar il-Ġustizzja Soċjali bil-għan li tinbena soċjetà globali ġusta. Hu qal li minkejja l-intenzjoni tajba tal-komunità internazzjonali, madwar 1,000 miljun ruħ fid-dinja huma meqjusa fqar, li jfisser li persuna minn kull sitt persuni fid-dinja huma fqar ħafna, mċaħħda minn għaxjien diċenti u dinjituż.
L-Ispeaker semma li f’laqgħat bħal dawn, għandha ssir analiżi dwar il-qagħda tas-soċjetà biex niżguraw l-ordni u l-koeżjoni soċjali f’pajjiżna, li jkollna relazzjonijiet tajba ma’ xulxin u biex nifhmu aħjar kemm tassew qed ngħixu il-prinċipju ta’ solidarjetà soċjali.
L-Ispeaker tenna billi fakkar fid-dmir tal-Istat li jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem biex kull individwu jgħix b’dinjità, li jipprovdi b’mod ekwu l-mezzi essenzjali tal-ħajja u anke jiżgura opportunitajiet ugwali lil kulħadd. B’hekk, l-istat demokratiku jħares l-ordni soċjali u fl-istess waqt iħabrek favur soċjetà ġusta billi jippromwovi l-progress soċjali u t-titjib fil-livell ta’ għajxien ta’ kulħadd f’libertà akbar.