L-Uffiċċju tal-Ispeaker ċaħad, b’mod kategoriku, rapport mill-gazzetta The Malta Independent fejn fih ġie kkwotat il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jgħid li l-Ispeaker tal-Kamra Dr Anġlu Farrugia rrifjuta t-talba tal-Oppożizzjoni għal dibattitu dwar l-inkjesta tal-Vitals minħabba xi arranġament mal-Prim Ministru.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Ispeaker ċaħad ukoll li, fl-ebda punt, ma kien hemm xi bdil ta’ komunikazzjoni mal-Prim Ministru rigward din it-talba.
Minbarra hekk, l-istess uffiċċju mill-ġdid ikkwota Standing Order 13 li tinkludi r-rekwiżiti biex tali talba għal dibattitu tiġi milqugħa.
Fil-fatt, ir-ruling li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia t-Tnejn li għadda dwar din l-istess materja, juri kif Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista, ma fehmu xejn minn rulings preċedenti dwar kull indħil Parlamentari li jista’ jwassal għal ksur tad-drittijet tal-bniedem.
Dan hekk kif b’rabta mal-istess dibattitu mitlub minn Grech għaddejjin investigazzjonijiet differenti, waqt li hemm proċeduri kriminali.
Kieku l-Ispeaker ippermetta d-dibattitu t-Tnejn u anke l-Erbgħa kien faċilment jippreġudika l-imsemmijin investigazzjonijiet u proċeduri kriminali, kif ġie indikat fl-istess ruling li jinnota deċiżjonijiet simili fil-passat.
“Il-parir legali li għandha s-sedja hu li tali diskussjoni dwar materja li hi sotto-investigazzjoni tkun fil-fatt qed tagħti lok hi stess biex tinħoloq kriżi kostituzzjonali u istituzzjonali, għax tkun qed tfixkel jew tippreġudika l-andament ħieles tal-istess istituzzjonijiet. Nirrepeti stante li l-investigazzjoni għadha f’mument kritiku, tant li mill-istess ruling tas-sede tal-bieraħ seħħew żviluppi importanti u li kieku tħalla jsir id-dibattitu tal-bieraħ, dan seta’ faċilment jikkawża preġudizzju, kemm fl-investigazzjoni, fil-proċess ġudizzarju inkwerenti u wkoll fid-drittijiet preżenti u anke futuri tas-suspettati li sussegwentament jistgħu jiġu akkużati.”
Iżda fis-seduta Parlamentari tat-Tnejn Bernard Grech sabbat saqajh u lebbet ’il barra meta l-pożizzjoni tal-ogħla istituzzjoni nazzjonali ma daqqitx għal widnejh.
BERNARD GRECH: “Għaldaqstant, Sur President, jiena u l-Oppożizzjoni se noħorġu ’l barra mill-Parlament illum. M’aħniex se nkomplu nassistu fis-seduta tal-lum, għax ifisser li inti, imma anke dan il-Gvern irid mhux biss jagħlaq ħalq il-Qrati, imma jrid jagħlaq ħalq issa dan il-Parlament tal-poplu.”
ANĠLU FARRUGIA: “Jiddispjaċini imma dak li għedt, ma naqbilx miegħu.”
Minbarra hekk, fis-seduta tal-Erbgħa, Bernard Grech mill-ġdid talab għal dibattitu ieħor, din id-darba dwar il-pożizzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Talba li mill-ġdid ma ntlaqgħetx u Bernard Grech, din id-darba, saħansitra jordna diżubbidjenza Parlamentari hekk kif ir-ruling ma daqqlux għal widnejh.
BERNARD GRECH “Qed niddikjara li l-Oppożizzjoni mil-lum se tkun qiegħda twettaq diżubbidjenza Parlamentari.”
Aqra wkoll: