L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia appella għall-waqfien mill-ġlied fil-kunflitt li għaddej bħalissa bejn l-Iżrael u l-Palestina.
Dan wara li ġiet osservata s-sitwazzjoni li kulma jmur qiegħda tiggrava.
Fi stqarrija, Farrugia inkoraġġixxa lill-partijiet konċernati biex jibdew diskussjonijiet sabiex flimkien isibu soluzzjoni li sservi liż-żewġ stati u li twassal għall-paċi.
Hu għamel appell ukoll lill-komunità parlamentari internazzjonali, b’mod speċjali lill-Unjoni Inter-parlamentari u l-Parlament Ewropew, sabiex jagħmlu ħilithom u jagħtu l-assistenza taħhom biex tinstab soluzzjoni paċifika.
L-Ispeaker ħares lura lejn iż-żjarat tiegħu fl-Iżrael u l-Palestina u esprima sens ta’ solidarjetà mal-ambaxxaturi Maltin f’Ramallah u Tel Aviv, kif ukoll mal-komunità Maltija li tgħix hemm u qiegħda tesperjenza sitwazzjoni traġika.