Waqt it-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni għall-proġett ta’ tħaddir u spazju miftuħ fi Vjal ir-Rihan, f’San Ġwann, intqal li, bil-proġett propost, l-ispazju miftuħ f’din iż-żona se jiżdied bi tliet darbiet, għal madwar 7,200 metru kwadru. Fl-istess waqt, se tkun qed tiżdied il-konnetività bejn iż-żewġ partijiet ta’ San Ġwann, li qabel kienu mifruda bi triq arterjali, biex b’hekk tiġi żona pedonali aktar sigura.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, spjega li dan il-proġett se jkun ftit passi ’l bogħod mill-maġġoranza tar-residenti f’San Ġwann.
“Iddiskutejna mal-komunità ta’ San Ġwann u se nkunu qed inkomplu dan il-proċess biex naraw li dan il-proġett nibdew intelquh, anke għaliex dan il-proġett se jkun qed ifisser illi, għal 90 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ San Ġwann, issa se jkollhom spazju miftuħ f’inqas minn għaxar minuti mixi.”
Project Green se tkompli tikkonsulta ma’ aktar entitajiet interessati qabel ma tifinalizza d-disinn finali u tissottomettih quddiem l-awtoritajiet kompetenti.
Il-Perit inkarigat mill-proġett, Gerald Salerno, qal li dan l-ispazju miftuħ qed jiġi addattat għar-realtajiet soċjali u kulturali ta’ San Ġwann u l-inħawi, u għalhekk ġew inkorporati diversi attivitajiet differenti bħal sensory garden, ġnien akkwatiku, anfiteatru u bandli għat-tfal, fost l-oħrajn.
“Bħala fini tal-proġett għamilna studju kemm ta’ dak li hemm u dak li nixtiequ li jsir. Rajna l-valur ta’ dan l-open space f’din il-lokalità, jiġifieri meta qed nidħlu bħala definizzjoni ta’ x’inhu ġnien, nipprovaw naraw kif nistgħu nirkorporawha b’mod differenti fil-proġett.”
Is-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, qal li l-kunsill lokali diġà qablu b’mod unanimu fuq il-bżonn ta’ dan il-proġett u huma ħerqanin li jaħdmu ma’ Project Green biex jitwettaq.
“Grazzi għal Project Green, il-ħolma ta’ dan il-Kunsill Lokali verament tista’ ssir realtà għax aħna dejjem xtaqna li dan il-proġett jagħti xi ħaġa lura lill-komunità; komunità aktar b’saħħitha, arja aħjar u, għalhekk, ir-residenti tagħna jkunu qed igawdu minn dan l-ispazju miftuħ u inqas emissjonijiet.”