Din is-sena, l-Isle of MTV se jirritorna f’pajjiżna, għas-16-il edizzjoni tiegħu, nhar it-Tlieta 16 ta’ Lulju fuq il-Fosos tal-Furjana bi spettaklu mill-aqwa.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, waqt konferenza tal-aħbarjiet fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef u s-Senior Vice President tal-kumpanija internazzjonali Paramount Advertising, Russell Samuel.
Il-headliners prinċipali għall-edizzjoni ta’ din is-sena se jkunu l-istilel internazzjonali RAYE u Dj Snake.
Il-kantanta famuża RAYE, kitbet diski għall-akbar artisti tad-dinja inklużi John Legend, Ellie Goulding, Khalid, David Guetta, Diplo u Beyoncé u hija magħrufa l-akar għas-single ewlenija tagħha, bl-isem ta’ ‘Escapism’.
L-artista għandha r-rekord ta’ sitt unuri fil-BRIT Awards ta’ din is-sena u bejgħ ta’ miljuni ta’ diski. Min-naħa l-oħra, DJ Snake, magħruf għad-diski popolari ‘Turn Down for What’, ‘Lean On Me’ u ‘Let Me Love You’, fost oħrajn, ukoll mistenni joħloq atmosfera mill-isbaħ fost l-udjenza f’Malta.
Il-Ministru Bartolo qal li l-Isle of MTV hu l-pedament tat-turiżmu f’pajjiżna u jrawwem id-dedikazzjoni soda ta’ Malta għall-innovazzjoni, id-diversità u l-eċċellenza fil-qasam tat-turiżmu kulturali.
“Spettaklu li jattira kemm lill-familji Maltin u Għawdxin u anke lit-turisti li jżuruna, iżda fl-istess waqt, imbagħad, nieħdu l-marketing lil hinn minn xtutna meta dan il-kunċert jixxandar fuq diversi pjattaformi ta’ Paramount International. Hemmhekk aħna inkunu qegħdin naraw verament il-potenzjal li għandu pajjiżna u s-sbuħija tiegħu li jirnexxielna noħorġu mhux biss waqt l-attività nnifisha lokalment, iżda anke fuq livell internazzjonali biex b’hekk insaħħu dejjem iżjed l-immaġni ta’ pajjiżna barra minn Malta.”
Waqt l-istess konferenza, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, stqarr kif dan il-kunċert spettakolari se jkun qed jixxandar anke fuq stazzjonijiet tal-MTV f’madwar 150 pajjiż u b’hekk pajjiżna se jkun qed jiġi rreklamat bħala destinazzjoni u se jkun qiegħed jattira aktar turisti lejn xtutna.
Il-biljetti għall-Isle of MTV se jkunu disponibbli għall-pubbliku fil-jiem li ġejjin.