Hekk kif il-festi tal-Milied ġew fi tmiemhom, magħhom ġiet fi tmiemha l-attività ta’ Presepju ħaj ta’ Betlem f’Għajnsielem permezz tal-vjaġġ mis-Slaten Maġi f’Jum l-Epifanija li qasmu minn Malta għal Għawdex.
Il-vjaġġ beda s-Sibt 4 ta’ Jannar mill-Palazz ta’ Sant’Anton fejn saret żjara lill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono u wara saret żjara lil-ħabsin fil-Korrettiva ta’ Kordin segwita minn żjara f’Dar il-Providenza fis-Siġġiewi sabiex fl-aħħar nett saret ukoll żjara fil-Paroċċa ta’ San Bastjan u San Ġorg f’Ħal Qormi.
Dalgħodu l-Maġi telqu mill-Imġarr f’Malta u baqgħu sejrin il-Mellieħa fid-dar tal-anzjani. L-attività kompliet fil-Pjazza tal-Mellieħa fejn saret il-laqgħa ma’ Erodi.
It-Tlett Slaten Maġi telqu biż-żwiemel lejn iċ-Ċirkewwa sabiex eventwalment jaslu fl-aħħar waqfa, Għawdex .
L-aħħar vjaġġ ikun id-dħul trijonfali ġewwa Betlem f’Għajnsielem fejn hemmhekk aduraw u offrew rigali lill-Bambin Ġesu.
Tkellimna ma’ Franco Ciangura l-moħħ wara din l-attività fejn qalilna li din hija l-ħmistax il-edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem.
“Aħna l-messaġġ tagħna huwa ejja nkomplu nagħmlu dan il-proġett ta’ Betlem, ejjew nkomplu nieħdu ħsieb xulxin, u dan il-vjaġġ jirrapreżenta t-tama, l-hena u l-paċi li nixtiequ lil kulħadd.“Franco Ciangura – organizzatur
Sadanittant, fix-Xagħra Għawdex ukoll saru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Epifanja fejn bit-titlu “La Cavalcata dei Re Magi” fil-Pjazza tal-Vitorja fejn il-maġi waslu fil-pjazza, quddiem is-Santwarju ta’ Marija Bambina, u sabu lill-Madonna u San Ġużepp b’Ġesu’ tarbija imdawwra bir-ragħjja u nxteħtu jqimuh fejn ippreżentawlhu t-teżori tagħhom ta’ deheb, inċens u mirra.
Attività organizzata mill-Għaqda il-Milied fix-Xagħra bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra u d-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru Għal Għawdex.