Appell imqanqal kien dak ta’ waħda mill-volontierta tal-Island Sanctuary Louise Chircop, li fuq Facebook saħqet li s-santwarju tal-annimali, mhux se jibqa’ jaċċetta aktar klieb jekk ma tiżdiedx l-għajnuna volontarja.
Chircop spjegat li ilhom żmien twil ifittxu aktar volontiera iżda minkejja dan, ir-rispons ma kienx wieħed tajjeb. Fi kliemha spjegat li din mhux ix-xewqa tagħhom iżda l-volontiera tal-Island Sanctuary qablu li jekk ma jkollhomx aktar idejn ta’ għajnuna, mhux se jkunu jistgħu joffru ħajja tajba lil dawn il-klieb abbandunati.
“Kull ma għandna bżonn, volontiera li joffru sagħtejn f’ġimgħa, ninsabu ċerti li mhux qed nitolbu ħafna” qalet Louise.
Fil-messaġġ tagħha hija saħqet ukoll li l-volontiera li jgħinu lil Island Sanctuary jsibu mħabba ġdida fil-klieb.
Dawk interessati jistgħu iċemplu fuq 79018901 jew jibgħatu e-mail fuq info@islandsanctuary.com.mt