Il-belt tal-Isla qed tiċċelebra ċ-ċentinarju mill-inkurunazzjoni ta’ Marija Bambina.
Din il-ġrajja ġrat fl-4 ta’ Settembru tal-1921, meta tpoġġiet kuruna tad-deheb fuq ras ix-xbieha qaddisa ta’ Marija Bambina.
Dakinhar tal-4 ta’ Settembru, kienu bosta nies li nġabru fix-xatt tal-Isla sabiex isegwu din ix-xena storika. Dan hekk kif il-funzjoni bdiet permezz ta’ purċissjoni mill-Bażilika lejn ix-xatt, li tmexxiet mill-Isqof Mauro Caruana.
“Mitt sena fejn din ix-xbieha, ċelesti u qaddisa tal-Bambina tpoġġietilha kuruna tad-deheb u ħaġar prezzjuż, b’digriet tal-Vatikan. Din kienet l-ewwel statwa f’Malta li ġiet inkurunata b’digriet tal-Vatikan.”
Mitt sena ilu l-Knisja tal-Bambina fil-Belt ta’ Senglea kienet ġiet elevata għall-Bażilika Minuri.
L-Arċipriet tal-Isla qal magħna wkoll kif dakinhar kien hemm ferħ kbir u kif din is-sena dan il-ferħ qed jerġa’ jinħass.
“Kien hawn ferħ kbir dak iż-żmien, fl-1921 u llum qegħdin niċċelebraw, nerġgħu naraw dan il-ferħ, iżda minħabba l-pandemija kellna naddattaw il-programm għax kieku l-4 ta’ Settembru kienet se tkun fix-Xatt, bħal meta saret mitt sena ilu.”
L-Arċipriet sostna wkoll li minkejja l-pandemija, il-parroċċa ngħaqdet flimkien sabiex tfakkar dawn il-festi speċjali għall-qalb is-Sengleani.
“Ingħaqadna kollha flimkien u għamilna programm wieħed sħiħ. Ħa jkun spettaklu sabiħ tan-nar, il-pjazza tal-Bażilika ħa tkun armata kompletament, anke d-dħul tal-Isla. Ħa jkun hawn atmosfera ta’ festa, imma differenti mis-soltu.”
Dawn il-festi speċjali se jkun qed jitfakru s-Sibt, hekk kif filgħodu se ssir quddiesa speċjali għat-tfal u waranofsinhar se tkun qed issir quddiesa speċjali, li tfakkar din il-ġrajja tant għal qalb il-belt Invicta.