L-Isla rebħu l-edizzjoni ta’ din is-sena tar-Regatta U18 li saret fil-bajja tar-Rinella l-Kalkara s-sibt wara nofs-in nhar.
Kienet regatta kumbattuta li baqgħet indeċiża sal-aħħar. Il-programm kien jinkludi b’kollox seba’ tiġrijiet: ħamsa għall-Aggregate Shield U18 , tiġrija tal-Balkora u tiġrija tan-nisa.
L-ewwel tiġrija kienet dik b’qaddief wieħed magħrufa bħala ‘Tal-Barklora’. Hawnhekk ir-rebħa marret għand il-klabb ta’ Marsamxett permezz tal-qaddief Peter Cremona. Marsamxett li b’hekk rebħu din ix-shield għat-tielet sena konsekuttiva.
It-tieni tiġrija kienet għall-qaddiefa nisa, tiġrija li ntrebħet minn Bormla, segwieti mill-Isla u l-Birgu rispettivament.
Kien imiss il-Kategorija U 18 tas-subien li offriet bosta emozzjonijiet. L-ewwel tiġrija f’din il-kategorija kienet dik Ta’ b’Erbgħa (Tal-Midalji). Tiġrija kumbattuta li ntrebħet mill-Birgu. Bormla daħlu fit-tieni post filwaqt li l-Isla spiċċaw it-tielet.
It-tieni tiġrija kienet dik tal-Frejgatini. Hawnhekk reġa’ kellna taqtiegħa ħarxa bejn l-Isla, Bormla u l-Birgu. Finalment kienu l-Isla li ħarġu rebbieħa, segwieti minn Bormla fit-tieni post u Birgu fit-tielet post.
L-Isla rebħu wkoll it-tiġrija Ta’ bi Tnejn. Hawnhekk is-sengleani kellhom taqtiegħa sal-aħħar mal-Birgu, madanakollu mat-tmiem tat-tiġrija id-dgħajsa tal-Birgu dehret tidħol f’dik tal-Isla u b’hekk ġew skwalifikati. Segwew fl-ordni Bormla fit-tieni post u l-Kalkara fit-tielet pożizzjoni.
Birgu pattew għad-diżappunt tat-tiġrija Ta’ bi Tnejn billi rebħu t-tiġrija ta’ wara, dik tal-Kajjiki. Huma daħlu l-ewwel quddiem Bormla u l-Kalkara rispettivament.
L-Isla aċċertaw mir-rebħ tax-shield hekk rebħu l-aħħar tiġrija dik Ta’ b’Erbgħa. Huma kienu segwieti mid-dħajjes ta’ Bormla u tal-Birgu rispettivament.
Il-qaddiefa kollha tal-klabb rebbieħ kienu dawn: Kenzie Abela, Jade Cachia, Denilson Long, Clayton Azzopardi, Lincoln Falzon, Yarik Agius, Keanzly Galea u Jerome Zammit.
Klassifika Finali (Kategorija U18)
Isla 62 punt
Bormla 58 punt
Birgu 44 punt
Kalkara 10 punti