B’investiment ta’ 45,000 mill-Fondi Norveġiżi, il-Kunsill Lokali tal-Isla nieda l-proġett bl-isem ta’ ‘Promoting Social Inclusion in Isla’.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jippromovi l-inklużjoni soċjali fil-lokalità. Dan se jsir permezz ta’ taħriġ, kemm għall-anzjani kif ukoll għat-tfal u ż-żgħażagħ, li se jkun jinkludi suġġetti bħas-snajja’, is-saħħa, u l-informatika.
Is-Sindku tal-Isla, Clive Pulis, spjega kif il-Kunsill lokali se jixtri tagħmir bħal stair lift biex jagħmel il-Kunsill aċċessibli u se joffri anki internet b’xejn lil dawk li jużaw is-servizzi mill-Kunsill.
Qal, “Apparti minn hekk, ħadna ħsieb iż-żgħażagħ, hekk kif kulħadd jaf li t-tfal tagħna jaqraw ktieb imma aktar fuq il-midja soċjali. Ħadna ħsieb ninvestu fil-librerija, sett VRs, biex ikunu aktar moderni u nħeġġu lill-istudenti Sengleani u ż-żgħażagħ jużaw il-librerija.”
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li qal li permezz tal-Fondi Norveġiżi, aktar kunsilli lokali qed itejbu l-lokalitajiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ikkummentat dwar kif dan il-proġett mill-Kunsill Lokali se jgħin biex jittejbu l-ħiliet tan-nies tal-Isla.