Bulgaru li xogħlu hu li jpoġġi l-madum kien akkużat b’rabta ma’ serqa bl-armi minn ħanut f’Tas-Sliema, is-Sibt li għadda.
Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, Mitko Georgiev ta’ 24 sena u li fil-passat kellu każi oħra wieġeb mhux ħati u d-difiża argumentat għall-ħelsien mill-arrest tiegħu bil-premessa li huwa innoċenti sakemm mhux misjub ħati.
Argumentat ukoll li l-akkużat għandu indirizz fiss u li d-drabi oħra li nstab ħati mill-qorti ma kienx minħabba akkużi differenti. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u għall-argument tad-difiża li qed jistenna t-tielet wild mill-mara tiegħu wieġbet li martu qalet li m’għadhomx flimkien. Saħansitra, qal l-ispettur prosekutur, l-akkużat ilu ma jara l-uliedu iktar minn xahar. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.