Irkejjen fid-Dar Ċentrali u li tkellmu wkoll mal-Independent sostnew li ma hemm xejn x’iżomm milli jissejjaħ vot ta’ fiduċja fil-konfront ta’ Adrian Delia fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Dan intqal b’reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet ta’ Delia fejn qal li taħt l-istatut il-ġdid, vot ta’ fiduċja fil-konfront tiegħu quddiem il-Kunsill Ġeneral ma jistax jittieħed hekk kif għadu m’għaddiex il-perjodu ta’ sentejn mindu tressaq l-ewwel vot.
L-istatut il-ġdid jgħid li jridu jgħaddu sentejn mindu jkun jista’ jittieħed vot ta’ fiduċja fil-konfront tal-Kap quddiem il-Kunsill Ġenerali.
Adrian Delia ssottometta ruħu għal dan il-vot f’Lulju tal-2019 u rebħu bi ftit aktar minn 67%.
Madankollu sorsi tal-gazzetta The Malta Independant argumentaw kontra dak li qed isostni Adrian Delia.
Huma spjegaw kif il-fatt li l-istatut il-ġdid ġie approvat ftit tal-ġimgħat ilu, allura l-argument ta’ Delia ma jrendix.
Dan hekk kif l-istatut il-ġdid iqis l-vot ta’ fiduċja ta’ Lulju 2019 irrelevanti hekk kif ittieħed taħt l-istatut l-antik.
Delia qed jaffaċċja pressjoni kontinwa sabiex jinżel mit-tmun tal-Partit Nazzjonalista wara li għal tliet darbiet infila f’ġimgħa ġie sfiduċjat f’organi differenti tal-Partit Nazzjonalista u għand il-President tar-Repubblika.
Kunsill Ġenerali jista’ jissejjaħ wara talba mill-Kap tal-Partit innifsu, mill-eżekuttiv tal-Partit, jew permezz ta’ petizzjoni ffirmata minn 150 Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali.
Intant nhar il-Ħamis li ġej se ssir laqgħa oħra tal-Eżekuttiv b’aġenda li waslet għand il-membri ġimgħa qabel.
L-eżekuttiv se jiddiskuti l-qagħda politika fil-Partit Nazzjonalista u azzjoni konkreta, b’din tal-aħħar qed tixgħel bozoz ħomor hekk kif tista’ tfisser tkeċċija jew azzjonijiet ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ dawk li sfiduċjaw lil Delia.