It-tifel tat-twelid li nstab abbandunat ilbieraħ ingħata l-isem ta’ Cristiano mill-Maġistrat Inkwirenti Joe Mifsud.
Iżda għaliex dan l-isem?
Kulħadd jaf lil l-Maġistrat Mifsud huwa partitarju kbir Juventin, u f’dawn l-aħħar ġimgħat dan it-tim akkwista lill-Plejer ta’ fama mondjali Cristiano Ronaldo, u kull partitarju feraħ mhux ftit.
Iżda lbieraħ, il-jum li fih twieled it-tifel, kien is-7 ta’ Settembru, in-numru li bih jilgħab Cristiano Ronaldo, tant li huwa mlaqqam bħala c-CR7.
Allura l-għażla tal-isem tal-Maġistrat kienet waħda ovvja, bl-iskop li t-tifel li safa’ abbandunat ikollu ħajja ta’ suċċess, hena u mħabba bħal dik ta’ Cristiano Ronaldo.
Intant, sa issa t-tifel għadu qed jinżamm l-Isptar Mater Dei taħt osservazzjoni, u għalissa għadu ma ngħatax ir-rilaxx sabiex tkun l-Aġenzija Appoġġ li tieħu ħsieb it-tifel.
Intant, is-Surġent Glenn Carabott, li sab it-tifel u kien l-ewwel persuna li żammu f’idu, qed jappella sabiex min għandu xi ħwejjeġ li huma ta’ użu għat-tifel, imur bihom l-għassa tal-Qawra.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għadejjin u mistennija tkun diffiċli li wieħed jasal għall-ġenituri tat-tifel. Fost l-esperti li nħattru fl-inkjesta hemm Dr. Mario Scerri, u kif ukoll Steve Liberi mic-Child Protection Unit. Dan filwaqt li għadejja koordinazzjoni sħiħa bejn il-Pulizija mill-Ghassa tal-Qawra mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri, l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Appoġġ Alfred Grixti.
Aqra wkoll:
http://www.one.com.mt/2018/09/07/esklussiva-qabditni-bhal-roghda-u-anki-bdejt-nibki-wahda-minn-nisa-li-sabu-t-tifel-abbandunat/