L-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja, l-MFHEA, tat estensjoni tal-iskop akkademiku lill-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-ITS. Estensjoni li se twassal biex l-ITS jaġġorna l-istatus preċedenti tiegħu ta’ awto-akkreditazzjoni tal-MQF Livell 5, sal-livell ta’ Master’s Degree, MQF Livell 7.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, f’konferenza tal-aħbarijiet.
Din l-estensjoni ngħatat wara li saru rapporti rigorużi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità esterna u verifika tal-programmi mmexxija mill-MFHEA, permezz ta’ nies indipendenti u internazzjonali.
Bl-awtorizzazzjoni biex jiġu awto-akkreditati programmi ta’ studju tal-MQF Livell 6 u 7, l-ITS se jkun mgħammar biex jindirizza firxa varjata ta’ bżonnijiet tal-istudenti u t-talbiet li qed jevolvu fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.
Il-Ministru Grima qal li l-Gvern kommess li jkompli bil-ħidma biex l-istudenti f’pajjiżna jkollhom l-aqwa edukazzjoni li twassal għal dak li hu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.
“B’din iċ-ċertifikazzjoni llum l-ITS għandu l-għodda kollha neċessarji biex jara x’qed jiġri anke fuq livell internazzjonali u jkun jista’ joħloq, jiċċertifika u jakkredita programmi ta’ kwalità. Programmi ta’ kwalità, programmi li jkollhom viżjoni li jagħtu għodda neċessarji lil-istudenti tagħna biex dawn ikunu dejjem minn ta’ quddiem nett mhux biss fuq bażi lokali u nazzjonali, iżda anke fuq bażi internazzjonali.”
Clifton Grima – Ministru
Sadanittant il-Ministru Bartolo sostna li dan hu ċertifikat ċar li pajjiżna verament qed jagħmel il-qabża fil-kwalità fejn tidħol l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.
“Din l-extension of scope tfisser li issa l-ITS jista’ joffri korsijiet aktar avvanzati akkademikament biex l-istudenti żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikollhom iżjed opportunitajiet biex huma jkunu jistgħu jersqu ’l quddiem, jieħdu korsijiet edukattivi fl-ITS u b’hekk jiksbu wkoll kwalifiċi aħjar biex, imbagħad, jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu.”
Clayton Bartolo – Ministru
Għall-istess konferenza kien hemm preżenti wkoll, fost oħrajn, il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, Pierre Fenech, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja, Rose Anne Cuschieri.