Grazzi għal għajnuna finanzjarja mingħand il-Malta Freeport Terminals flimkien mal-Malta Freeport Corporation, l-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa se jkollha psikoterapista fuq bażi full-time.
Dan għad-dispożizzjoni kemm tal-istudenti kif ukoll tal-għalliema matul is-sena kollha.
Is-surmast Jean-Pierre Micallef spjega li l-iskola fiha sitt mija u tletin student li ġejjin minn erbgħin pajjiż.
Qal, “Ħa jkollna psychotherapist full-time fl-iskola tagħna illi ħa jgħin lit-tfal bil-problemi personali tagħhom, soċjali ta’ mġieba u ta’ dixxiplina lit-tfal ta’ Birżebbuġa, kemm matul is-sena skolastika kif ukoll anki waqt skolasajf.”
Dan qed isir bħala parti mill-proġett Blossom tal-Malta Trust Foundation.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li din mhix nefqa imma investiment.
Spjegat, “Huwa maħsub biex ngħinu lit-tfal jiġu empowered f’dik li hija reżiljenza, f’dawk li huma sfidi fil-ħajja li fin-normalità dawn l-isfidi ma jonqsux speċjalment issa l-effetti wkoll tal-pandemija fuq is-saħħa mentali tat-tfal.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Terminals, Alex Montebello, qal li b’dan l-investiment qed tinżera’ żerriegħa importanti għall-futur.
Qal, “Huwa ta’ pjaċir u unur tagħna illi ngħinu f’dan il-proġett biex inkomplu nrawmu iktar lit-tfal ta’ Birżebbuġa f’ambjent aħjar għalihom kif ukoll għall-bqija tal-komunità.”
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ esprima x-xewqa li din l-inizjattiva tinfirex fl-iskejjel kollha Maltin u Għawdxin.