L-iskola Russa f’ pajjiżna, li f’ Jannar li għadda avżat lill-ġenituri li jibgħatu lill-uliedhom fiha li se tagħlaq, kienet ordnata tħallas lura il-miżata ta’ €58,000 lil omm.
Iulia Samunina, l-omm li ħallset il-miżata għolja ftit qabel ma RBSM Boarding School ħabbret f’ ittra li se tagħlaq ħesrem, spjegat lill-Qorti li l-iskola ma rrisponditx għal bosta domandi dwar l-għeluq tagħha, iżda eventwalment kienet infurmata li l-iskola kellha problemi finanzjarji kbar, tant li ma setgħetx tkompli topera.
Minkejja li l-iskola wegħdet li tħallasha lura sal-aħħar tas-sena, il-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima, laqgħet it-talba tal-omm, li titħallas immedjatament u talbet lill-iskola biex trodd lura l-flus.
Din hija t-tieni sentenza tax-xorti tagħha fil-konfront tal-iskola Russa. F’ Mejju li għadda l-Imħallef Lawrence Mintoff ordna lill-istess skola tħallas lura sebgħa u għoxrin elf ewo lil grupp ġenituri oħra.