Hekk kif ninsabu fuq l-għatba ta’ sena skolastika ġdida, fuq il-midja soċjali l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima ħabbar li, minn nhar l-Erbgħa li ġej, l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq se tkun qed terġa’ tilqa l-istudenti fi ħdanha.
Fuq Facebook, Grima sostna li issa l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq hi prattikament ġdida u lesta biex tilqa’ l-ewwel tfal tagħha mis-sena skolastika l-ġdida, li se tiftaħ din il-ġimgħa.
Matul is-sena skolastika li għaddiet madwar 268 tifel u tifla, li kienu jattendu l-Kindergarten u l-ewwel tliet snin tal-Primarja f’Ħal Għaxaq attendew fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, filwaqt li madwar 109 tifel u tifla fl-aħħar tliet snin tal-Iskola Primarja f’Ħal Għaxaq attendew fl-Iskola Primarja l-antika ta’ Ħal Tarxien.
Il-proġett f’din l-iskola, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Benedittu, inkluda l-bini ta’ sular ġdid fuq il-binja eżistenti, biex b’hekk issa l-iskola tista’ tlaħħaq mal-popolazzjoni dejjem tikber ta’ Ħal Għaxaq. Minbarra dan sar ukoll xogħol ta’ immodernizzar u tisbiħ fuq il-parti l-antika tal-istess skola.