Din hija l-iskola primarja ġdida ta’ Wied il-Għajn. Ix-xogħlijiet fuqha waslu fl-aħħar fażijiet tagħhom, u mistennija tiftaħ il-bibien tagħha fix-xhur li ġejjin.
L-iskola b’investiment ta’ madwar €6 miljun, inbniet fuq 6,000 metru kwadru u se tilqa’ fiha madwar 400 student u studenta.
Waqt żjara l-iskola, il-Perit responsabbli mill-proġett, Joseph Attard, qal li l-iskola kienet meħtieġa biex tilqa’ għaż-żieda fil-popolazzjoni ta’ Wied il-Għajn.
“Il-faċilità hija għal 400 student. Hija ta’ livell primarju, u magħha għanda sala li qiegħda fuq u għandha wkoll diversi żoni li huma sport facilities”.L-iskola l-ġdida se jkollha wkoll parkeġġ għall-karozzi taħt l-art mifrux fuq 2,000 metru kwadru filwaqt li se tintuża wkoll għat tfal tal-kindergarten u bħala ċentru għall-ħarsien tat-tfal.
Il-Perit Attard spjega kif din l-iskola nbniet b’għadd ta’ miżuri favur l-ambjent. Dan hekk kif il-fondazzjoni għall-iskejjel ta’ għada żadet il-prekawzjonijiet neċessarji sabiex il-materjal li ntuża waqt il-kostruzzjoni jkun kemm jista’ jkun ta’ ġid għall-ambjent:
“Sar ġibjun biex jinġabar l-ilma ta’ fuq il-bejt u jkun jista’ jintuża bħala secondary water għall-faċilitajiet ta’ toilets li għandha din l-iskola. L-aperturi saru b’tip ta’ aluminium li qas hu double glazed imma thermal break li huma aktar energy efficient u fl-istess ħin mal-faċċata kollha sar layer ta’ insulation biex kemm jista’ jkun il-binja tkun energy efficient”.
Il-Fondazzjoni ħadet ħsieb ukoll li l-binja tkun kemm jista’ jkun attraenti għat-tfal li se jattendu fl-iskola. B’hekk il-faċċata nżebgħet kuluri li jħeġġu iktar lit-tfal jattendu l-iskola bi ħġarhom f’ambjent sabiħ u li jixbah dak tad-dar:
“Il-kuluti intagħżlu peress li huma kuluri vivaċi ħalli it-tfal peress li huma tal-primarja jagħmililhom aktar inizjattiva li jmorru fi skola mhux kif nafuha aħna jiġifieri rudimentali iżda iktar interessanti”.
L-iskola mistenniha titlesta fil-ġimgħat li ġejjin biex b’hekk tiftah il-bibien tagħha għall-istudenti wara l-btajjel tal-Milied.