Mis-sena skolastika li jmiss l-iskola nazzjonali tal-Isport se tkun qed tilqa’ atleti mill-Ispecial Olympics Malta.
Dan propju tħabbar f’attività li saret biex jitfakkar l-għaxar anniversarju mill-ftuħ ta’ din l-iskola.
Fi żjara li mart il-Prim Ministru u l-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela għamlet f’din l-iskola f’Pembroke, tkellmet dwar l-importanza tal-inklussività.
Qalet, “Propju llum ukoll qed niċċelebraw il-fatt illi minn din is-sena, l-iskola nazzjonali tal-isport se tibda tilqa’ fiha studenti u atleti minn Special Olympics Malta u allura dan huwa mument sabiħ ħafna fejn qegħdin niċċelebraw l-inklussività bil-fatti.”
Dr Abela faħħret ukoll ix-xogħol kontinwu li għaddej mit-tim ta’ Special Olympics biex f’Mejju li ġej, Malta tilqa’ avveniment importanti ħafna għall-iSpecial Olympics u għal pajjiżna.
F’din l-okkażjoni tħabbar ukoll li studenti tal-iskola fil-jiem li ġejjin se jibdew jattendu kampijiet ta’ taħriġ fil-futbol, basketball, waterpolo, atletika, table-tennis u ġinnastika fost dixxiplini sportivi oħra.
S’issa hemm konfermat il-parteċipazzjoni ta’ 64 student.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta’ edukazzjoni sħiħa.
Qal, “Għaxar snin li fiha rajna mijiet ta’ studenti li attendew din l-iskola, jieħdu l-aqwa edukazzjoni, edukazzjoni sħiħa bl-isport fil-qofol u ċ-ċentru ta’ dan il-perkors akkademiku. Qegħdin nitkellmu wkoll dwar dak li huwa l-futur tal-istess skola u kif tista’ tkompli tevolvi sabiex propju nassiguraw illi nagħtu edukazzjoni sħiħa lill-istudenti tagħna.”
L-amministrazzjoni tal-iskola, li fiha jattendu 230 student u studenta, qed dejjem tara kif tkabbar l-opportunitajiet għall-istudenti tagħa biex ikollhom esperjenzi fid-dixxiplina sportiva tal-għażla tagħhom.
L-għan ewlieni dejjem jibqa’ s-suċċess fl-iskola kif ukoll fl-isport għalhekk qed ikun hemm aktar ħidma ma’ SportMalta biex jiżdiedu dawn l-esperjenzi barra minn xtutna.