Fuq medda ta’ ħames snin, l-istudenti li fallew l-iskola naqsu b’aktar minn mija 78,000 jum ta’ skola. Dan ħareġ minn pubblikazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li l-assentejiżu naqas 25%.
Id-Direttur tas-Servizz Nazzjonali ta’ Appoġġ fl-Iskola, Sandra Cortis spjegat kif dan it-tnaqqis kien riżultat ta’ diversi programmi li huma ferm differenti mit-tagħlim tradizzjonali:
“Għamilna programm alternattiv li llum il-ġurnata baqa’ għaddej, nafu kemm studenti ma ntilfux b’dan il-programm tul dawn is-snin. Anzi llum il-ġurnata hemm ukoll, l-aħħar sentejn għamilna 16+, jiġifieri l-istudenti setgħu jibqgħu għaddejjin b’dan il-programm biex kemm jista’ jkun huma jiġu ingaġġjati fis-sistema edukattiva”.
Programmi oħra simili kienu l-Prince’s Trust u l-Achieve, li wkoll kienu mmirati biex ikabbru l-interess tat-tfal fl-edukazzjoni. Dan filwaqt li s-sistema edukattiva issa se tgħin lit-tfal jagħżlu rotta edukattiva skont l-interessi tagħhom bis-sistema My Journey.
Irriżulta li f’ħames snin, it-tfal li marrux l-iskola bla ċertifikat naqas b’iktar minn 26%. Dan hekk kif minn 275,000 jum, dawn niżlu għal ftit iktar minn 200,000.
Il-ħidma li saret mill-Gvern wasslet ukoll biex il-medja ta’ jiem li jfallu l-istudenti jonqsu b’erbat ijiem għal kull tifel u tifla.
Il-ħaddiema soċjali Prinċipali, Marija Zahra spjegat kif l-ħaddiema soċjali jkunu minn tal-ewwel li jintebħu meta student ifalli bla awtorizzazzjoni:
“Mela aħna imbagħad nibdew il-kuntatt mal-ġenituri, mad-djar, fejn ħafna drabi jekk ma naqbduhomx ovvjament bit-telephone, aħna mmorru vista fid-dar. Immorru dik li aħna nsejħulha surprise home visit, fejn aħna nmorru, niltaqgħu mal-familja u flimkien mal-familja nippruvaw naraw x’inhuma d-diffikultajiet li qed iżommu milli t-tfal jattendu, u noffru l-għajnuna tagħna fejn tidħol dik id-diffikultà”.
Mistoqsi minn ONE News dwar it-tnaqqis fl-assentejiżmu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo sostna li l-Gvern ħadem fuq il-bażi li l-istudenti jkunu kuntenti fl-iskola:
“Inkunu rridu li meta jiġu l-iskola, jieħdu gost jiġu l-iskola għax meta jieħdu gost l-iskola, jitgħallmu. Aħna ma rridux it-tfal jiġu l-iskola biex jiġu l-iskola. Irriduhom biex jimxu ‘l quddiem, jiżviluppaw u jitgħallmu. Għaliex dawk it-tfal li ma jattendux l-iskola, l-effett jidher li minn kmieni jibdew jaqgħu lura. U allura aħna irridu nkomplu nagħmlu dmirna biex it-tfal jiġu l-iskola, jieħdu gost l-iskola, u la jieħdu gost jiġu l-iskola, jieħdu gost jitgħallmu”.
Il-Ministru qal li huwa b’dal-mod li l-istudenti jibqgħu fis-sistema edukattiva u jibqgħu jitgħallmu.