Fl-Iskozja, kull min se jipprova jidħol fi stabbilimenti tad-divertiment jew jattendi avvenimenti kbar, irid jipprovdi prova li huwa mlaqqam kontra l-COVID-19.
Dan jidħol fis-seħħ mill-ewwel t’Ottubru li ġej, wara li ġie approvat il-pjan tal-passaport tal-vaċċin.
Uffiċjali qalu li din is-sistema se tnaqqas ir-riskju li l-virus ikompli jinfirex fl-istess waqt li tipprevjeni ċertu postijiet milli jkollhom jerġgħu jagħlqu minħabba l-imxija.
Dawn ir-regoli l-ġodda se jfissru li kull min għandu aktar minn tmintax-il sena fl-Iskozja, se jkollu bżonn juri li ħa ż-żewġ dożi tal-vaċċin qabel jattendi ċertu avvenimenti.
Fost dawn hemm attivitajiet sporitivi bħall-partiti tal-futbol, kunċerti u festivals mużikali.
Skoċċiżi li tlaqqmu biż-żewġ dożi jistgħu jniżżlu ċ-ċertifikat b’kodiċi personalizzat.
Sal-aħħar tax-xahar, dan il-kodiċi mistenni jkun disponibbli f’app ġdida fuq il-mobile msejħa NHS Scotland Status.
Kull min għandu raġuni valida li ma ħax il-vaċċin, bħat-tfal jew persuni b’kundizzjonijiet mediċi partikolari, se jkunu eżentati minn dawn ir-regoli.