B’invesitment ta’ €2.5 miljun, il-Gvern nieda mill-ġdid żewġ skemi li jistgħu jiffinanzjaw sa tmenin fil-mija tal-istudji f’livell ta’ Masters u Dottorat. L-iskemi bl-isem Endevour u TESS ikopru korsijiet kemm fuq bażi part–time u anke full–time.
Josephine Sultana, kordinatur tal-iskemi qalet li din hija l-ħames sejħa tal-Endevour u qed issir b’investiment ta’ €1.5 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew.
“Għall-Endevour jistgħu japplikaw biss dawk li huma interessati jistudjaw fil-livell 7 tal-qasam Malti tal-kwalifiki, jiġifieri Masters jew Post-Graduate Diploma, li ma jdumux aktar minn tliet snin. Jistgħu ikunu kemm part-time, kemm full-time jew anke distance learning. L-importanti li jkun programm rikonoxxut.”
Dawk li bdew xi kors aktar kmieni din is-sena jistgħu japplikaw għall-iskema TESS li hija aktar miftuħa għax tippermetti lill-istudenti jsegwu wkoll kors f’livell ta’ Dottorat. Għal din l-iskema ġew allokati miljun ewro minn fondi lokali.
“Hemm 14-il qasam ta’ prijorità, iżda taħt it-TESS hija aktar miftuħa fis-sens li jekk wieħed beda programm ta’ studju diġà, jista’ japplika diment li jkun għad fadallu minn tal-anqas sena studju, kif ukoll dawk li se jibdew il-programm issa.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li s-sena li għaddiet applikaw mal-erba’ mitt student ta’ etajiet differenti. Fil-fatt is-Sinjura Sultana qalet li l-adulti qed jirrealizza li fid-dinja tal-lum huwa importanti li jkompli jtejbu l-ħiliet biex jibqgħu kompetittivi.
“Għandna studenti u adulti li qed jirrealizzaw li importanti li jkomplu bl-edukazzjoni terzjarja biex huma stess ikunu kompetittivi biex ukoll iżidu l-mobbiltà tagħhom. Fil-fatt taħt l-Endevour, jekk xi ħadd għandu Masters diġà jista’ japplika għaliex innutajna li ħafna nies qed ibiddlu x-xogħol wara ftit u jkollhom bżonn jipeċċjalizzaw f’qasam ieħor.”
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-iskema Endeavour hija r-risposta għal diversi sfidi li għandna iżda wkoll għodda meħtieġa biex neċċellaw fiż-żmien li ġej. Qal li pajjiżna se jkollu aktar studenti speċjalizzati tagħhom u b’hekk pajiiżna jkun jista’ jikkompeti fuq livell internazzjonali fil-ġirja globali lejn l-innovazzjoni li qed ngħixu preżentament.
Is-Segretarju Permamenti Frank Farbi, qal li s-suġġetti jvarjaw minn xjenza u teknoloġija għall-inġinerija u l-edukazzjoni fost l-oħrajn. Fakkar ukoll li dawk interessati għandhom ċans japplikaw sad-disa’ ta’ Awwissu li ġej f’nofsinhar.