L-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek, magħrufa fil-qosor bħala l-POYC, iġġeddet għal sitt snin oħra wara li ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għas-Saħħa, il-Kamra tal-Ispiżjara, u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji.
Dan il-ftehim jolqot lil iżjed minn 150,000 persuna, f’224 spiżerija madwar pajjiżna.
Dan il-ftehim ġdid se jwassal biex jissaħħaħ is-servizz mogħti mill-ispiżeriji fil-komunità billi, għall-ewwel darba, se jiġi offrut is-servizz tal-‘Medicines Use Review’.
Dan se jwassal biex kull pazjent li juża l-iskema tal-POYC se jkollu l-opportunità li jagħmel appuntament b’mod kunfidenzjali mal-ispiżjar tal-għażla tiegħu biex jiddiskutu l-mediċini li jieħu l-pazjent – speċjalment jekk ikunu qed jittieħdu numru ta’ mediċini kroniċi u għal snin twal. B’hekk, il-pazjenti jieħdu l-mediċini kif mitlub mit-tabib u jeħduhom sew.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, irringrazzja lill-partijiet kollha li ħadu sehem f’dan il-ftehim, li se jwassal biex il-pazjenti jkollhom servizz aħjar.