Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex japplikaw għall-iskema tal-first time buyers, li qed tħalli fil-bwiet tagħhom €1,000 fis-sena għal għaxar snin għal total ta’ €10,000.
Spjega li, mill-introduzzjoni tal-iskema fl-2023, kien hemm 4,909 first time buyers li gawdew minn dan il-benefiċċju tal-Gvern u, f’Ġunju li ġej, se jkunu qed jirċievu pagament ta’ €1,000 oħra.
Dawn huma persuni li xtraw il-proprjetà tagħhom permezz ta’ self fl-2022 u fl-2023. Għaldaqstant, minn dawn, nofshom diġà rċevew żewġ pagamenti sal-lum il-ġurnata.

Il-Ministru tenna li l-investiment tal-Gvern fl-iskema s-sena li għaddiet ammonta għal madwar €4.7 miljun għal total li sal-lum jaqbeż is-€7 miljun.
“Matul dawn l-aħħar tliet snin diġà investejna aktar minn €7 miljun fiż-żgħażagħ, fil-first time buyers, fin-nies, il-familji li xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom. Din is-sena wkoll jistgħu japplikaw għax huma eliġibbli mal-2,644 familja li xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom. Diġà applikaw 64%, għad fadal numru sostanzjali u qed nħeġġuhom sal-aħħar t’April biex japplikaw ħalli f’Ġunju li ġej jieħdu l-ewwel ċekk”.
Il-Ministru Roderick Galdes
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, sostna li l-iskop tal-Awtorità tad-Djar hi li tassigura li l-familji jsibu biżżejjed sapport u opportunitajiet biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Minbarra hekk, innota kif fil-każ tax-xiri ta’ postijiet bħala l-ewwel proprjetà wkoll qed jinbidlu, b’iżjed individwi li qed jagħżlu li jixtru r-residenzi waħedhom.
“Prattikament minn din l-għajnuna mhux biss qed noffru din l-għajnuna, imma qegħdin nifhmu x’inhuma l-aspirazzjonijiet tal-first time buyers. Qegħdin naraw li l-profil tal-first time buyers fil-maġġoranza tagħhom huma żgħażagħ taħt it-tletin sena li taqbel ma’ dejta oħra, anke li naraw f’pajjiżi Mediterranji, imma wkoll li l-profil tagħhom qed jiżdied. Issa qabżet il-50% it-trend li qegħdin jixtru l-proprjetajiet waħedhom.”
Matthew Zerafa, Kap Eżekuttiv, Awtorita tad-Djar
Sadanittant, waqt li enfasizza kif tali investiment qed ikompli jżid il-purchasing power tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Ministru Galdes kompla li dik tal-First Time Buyers mhix l-unika skema li qed toffri l-Awtorità tad-Djar biex ikomplu jiġu sostnuti l-familji f’pajjiżna.
Hu aċċenna għal studju li wettqet l-Awtorità tad-Djar dwar is-suġġett, li minnu jirriżulta kif skema oħra, li qed japplikaw ħafna għaliha, hi dik tal-għotja fuq l-ewwel residenza, li qed tassisti fit-tlestija tal-ewwel proprjetà sa massimu ta’ €5,824.
L-istess studju wera wkoll li aktar minn żewġ familji kuljum ġew assistiti bl-iskemi eżistenti favur qabża fil-kwalità tal-familji.