L-aġenzija Circular Economy Malta (CEMalta) ħabbret li l-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb ser tibda topera nhar it-Tnejn, 14 ta’ Novembru 2022, hekk kif tintlaħaq l-installazzjoni ta’ 85% tar-Reverse Vending Machines (RVMs) mill-operatur liċenzjat.
L-operatur liċenzjat qed jinstalla 320 Reverse Vending Machines (RVMs) madwar Malta u Għawdex. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jirritornaw kontenituri tax-xorb vojta ġo dawn il-magni u jieħdu lura d-depożitu ta’ €0.10ċ fuq kull kontenitur, fil-forma ta’ vawċers li jissarfu fi ħwienet li jbiegħu dawn il-kontenituri tax-xorb.
Din l-iskema se tinċentiva lill-pubbliku biex jarmi u jirriċikla l-iskart b’mod sostenibbli, filwaqt li tiskoraġġixxi l-iskart tal-plastik u skart ieħor li jniġġes l-art u l-baħar. Se tikkontribwixxi wkoll għall-isforzi ta’ Malta biex sal-2026 tilħaq il-mira li tiġbor 90% tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss, għar-riċiklagg.
Id-depożitu ta’ €0.10ċ se jiġi mitlub għal kull kontenitur tax-xorb li jaqa’ taħt I-skema u li jkun disponibbli fis-suq tul il-katina kollha tal-provvista. Il-valur tad-depożitu m’għandux ikun soġġett għall-VAT u għandu jkun indikat b’mod ċar bħala ammont separat mill-prezz tax-xarba fuq l-irċevuti u l-fatturi kollha.
L-iskema se tiġbor u tirriċikla kontenituri tax-xorb tal-plastik, azzar, aluminju jew ħġieġ. Dawn il-fliexken jew bottijiet, b’kapaċità li tvarja minn 0.1 litri sa 3 litri, jinkludu;
(a) ilma miżjud biz-zokkor jew b’materjali ta’ ħlewwa jew togħma (flavoured water)
(b) luminati bil-gass jew bla gass;
(d) cider, birer u xorb tax-xgħir (malt beverages);
(e) kafè lest biex jiġi kkonsmat;
(f) xarbiet alkoħoliċi aromatizzati li jkollhom livell ta’ kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il 5%;
(g) dilutables.
Inbejjed, spirti, u meraq tal-frott (juices) huma esklużi mill-Iskema.
Meta l-konsumaturi jirritornaw kontenituri tax-xorb vojta ġo Reverse Vending Machine (RVM) jew lil bejjiegħ bl-imnut, huma jirċievu immedjatament vawċer għall-valur sħiħ ta’ €0.10ċ tad-depożitu, li jista’ jissarraf fi ħwienet tal-bejgħ bl-imnut li jbiegħu dawn il-prodotti tax-xorb. Il-konsumaturi m’għandhomx jgħaffgu l-kontenituri jew ineħħu t-tikketti tagħhom qabel jiddepożitawhom fil-magni, għax inkella l-vawċers tad-depożitu ma jkunux jistgħu jinħarġu.
Skont ir-Regolamenti Dwar Ir-Riċiklaġġ tal-Kontenituri tax-Xorb (LS 549.134), l- operaturi ekonomiċi tal-produzzjoni, importazzjoni, d-distribuzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti tax-xorb imsemmija hawn fuq huma meħtieġa li jirreġistraw mal-operatur sad-data meta se tibda l-iskema, fl-14 ta’ Novembru.
Ing. Jason Vella, Kap Eżekuttiv ta’ CEMalta, qal li “din l-iskema għandha l-għan li tikkultiva kultura fost l-istakeholders pubbliċi u privati li tħaddan il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali taċ-ċirkolarità tar-riżorsi.” Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex jipparteċipa b’mod attiv f’din l-iskema għal ambjent aktar nadif u futur aktar sostenibbli.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.cemalta.gov.mt jew www.bcrsmalta.mt, jew ikkuntattja lil CEMalta permezz ta’ email fuq info@cemalta.gov.mt jew bit-telefon fuq 2226 8200.