Fid-dawl tal-konkorrenza b’saħħitha li kellha l-iskema ta’ €1,000 f’sena għal għaxar snin, kif ukoll minħabba li numru ta’ first-time buyers applikaw tard jew applikaw taħt skema oħra, kien deċiż li l-iskema għal dawk il-first-time buyers li xtraw proprjetà fl-2022, tkun estiża sal-aħħar ta’ Settembru.
B’din l-estensjoni se tagħti wkoll lok lil first-time buyers oħra li xtraw proprjetà s-sena l-oħra u ma applikawx, biex jagħmlu dan u jibbenefikaw ukoll.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, immexxi mill-Ministru Roderick Galdes.
Dan wara li fl-aħħar ġimgħat, il-Ministru Galdes ħabbar li aktar minn 2,700 first-time buyer li xtraw proprjetà s-sena l-oħra rċicew l-ewwel pagament ta’ €1,000 f’sena għal għaxar snin. Dan ifisser, li għal dawk li saru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba s-sena l-oħra, il-Gvern fuq medda ta’ għaxar snin, se jkun investa aktar minn €27 miljun.
Il-prinċipju ta’ din l-iskema, li kienet wegħda ewlenija tal-manifest Malta Flimkien u li twettqet fl-ewwel ftit xhur ta’ din il-leġiżlatura, huwa li tiġi ppremjata l-bżulija u sservi ta’ spalla għal dawk li jixtru proprjetà l-ewwel darba. Skema li tikkumplimenta oħrajn li introduċejna li qegħdin jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol: https://bit.ly/SkemaFirstTimeBuyers