Aktar minn 60 kunsill lokali u għaqda volontarja attendew għal sessjoni ta’ informazzjoni dwar l-iskema ta’ €10 miljun bl-isem ta’ Community Greening Grant, varata minn Project Green.
Din l-iskema qed tħeġġeġ lill-komunitajiet u se tgħinhom fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ambjentali fil-lokalitajiet tagħhom. Matul is-sessjoni, l-imsieħba ġew imħeġġa jidentifikaw spazji li mhux qed jiġu użati, sabiex ikunu jistgħu jagħtuhom ħajja ġdida u jibdluhom fi spazji miftuħa pubbliċi biex jitgawdew minn kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, qal li apparti l-għajnuna finanzjarja, l-applikanti se jirċievu wkoll għajnuna teknika.
“Irridu naraw ħafna aktar spazji ħodor u miftuħa, u dawn l-ideat ġejjin proprju mill-komunitajiet tagħna. Project Green se tkun qed tassisti fil-finanzjament ta’ dawn il-proġetti u anke f’sapport tekniku.”
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, enfasizzat l-importanza tas-sostenibbiltà fid-disinn, fl-ippjanar, u fit-twettiq tal-proġetti proposti, li jrid ikollhom ukoll pjan ta’ mmaniġġjar fit-tul li jiżgura li l-proġetti mwettqa jibqgħu jiġu mħarsa.
Qed nikkonsultaw u niddiskutu mal-kunsilli lokali, NGOs differenti, skejjel ma’ komunitajiet differenti, li jistgħu joħorġu b’ideat biex verament insebbħu l-lokalitajiet f’pajjiżna u nagħtu aktar ambjent naturali u ambjent urban isbaħ fil-lokalitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, irrimarkat li l-kunsilli lokali u dawk reġjonali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-bżonnijiet ambjentali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom u kif il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tista’ titjieb.
“L-Istess kunsilli lokali, flimkien ma’ Project Green, se jkunu qed jagħmlu l-ħolm tar-residenti u l-ideat tal-kunsilli realtà. Permezz ta’ din l-applikazzjoni se jkunu qed joħolqu aktar spazji ħodor biex il-familji jgawduhom fil-ħin liberu tagħhom.”
Aktar informazzjoni fuq din l-iskema, fosthom il-linji gwida u l-formola t’applikazzjoni, tinsab fuq www.project.green.
Is-sottomissjonijiet jagħlqu nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar 2023 f’nofsinhar.