L-iskema li tittratta l-għotja ta’ vouchers ta’ mitt ewro lil dawk it-turisti li jiġu Malta biex jippratikaw l-għadis ġiet meħuda kollha kemm hi.
Dan ifisser li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu rċeviet sebat elef u ħames mitt applikazzjoni.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi, għall-Budget għas-sena li ġejja.
Huwa u jitkellem fil-Parlament, il-Ministru Bartolo spjega li fid-diskors tal-Budget ġie mħabbar li se ikun hemm investiment qawwi fil-Malta Film Studios, fejn se jibda x-xogħol fuq il-bini tal-ewwel soundstage f’pajjiżna, bl-għan ewlieni ikun li jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità.
Il-Ministru qal ukoll li f’pandemija, din l-industrija ħalliet ħamsa u disgħin miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
Il-Ministru semma wkoll avvenimenti li saru fl-aħħar ġimgħat li taw togħma tan-normalità li tant ilna ma nesperjenzaw, bħall-kunċerti li saru fuq il-Fosos tal-Furjana u anke r-ritorn tal-Malta Air Show.
Il-Ministru Bartolo qal ukoll li matul is-sena li ġejja mistennija jirritornaw diversi avvenimenti kbar fil-kalendarju tal-festivals organizzati mill-Awtorità tat-Turiżmu fosthom Summer Daze u l-Isle of MTV.
Huwa spjega ukoll li fix-xhur li ġejjin, diversi timijiet internazzjonali tal-futbol se ikunu qed jitħarrġu f’pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega ukoll il-ħidma li saret fl-investiment fl-infrastruttura turistika.
“Kburi ngħid li fi tnax-il xahar nedejna ’l fuq minn tnejn u għoxrin miljun ewro f’investiment fl-infrastruttura turistika madwar il-pajjiż kollu. Qed naraw li minn sempliċitament manutenzjoni imorru verament għal riġenerazzjoni.”
Fil-Parlament tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista, fejn spjega li matul din is-sena diġà saru sforzi biex il-pajjiż ikun aktar nadif fosthom b’kontenituri tal-iskart li jaħdmu bl-enerġija solari, u spjega kif tul is-sena d-dieħla hemm il-ħsieb li tiżdied il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart f’aktar lokalitajiet
Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz tal-inizjattiva “Insebbħu Pajjiżna’ tlestew xogħol ta’ tindif, manutenzjoni u tisbiħ ta’ diversi żoni li huma frekwentati mit-turisti.
Huwa spjega li fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena inġabru xejn anqas minn ħdax-il elf tunnellata ta’ skart.
“Ir-responsabbiltajiet taħt din id-diviżjoni jikkonsistu fil-ġbir ta’ skart minn toroq arterjali u ta’ distributorji, kif ukoll minn spazji pubbliċi. Ġbir ta’ annimali mejta, tindif ta’ bajjiet tul il-kosta u konvenzjonijiet pubbliċi iżda li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern ċentrali.”