L-iskejjel tal-Istat huma lesti biex mill-Erbgħa li ġej, jibdew jilqgħu l-istudenti għall-bidu tas-sena skolastika ġdida.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega li l-protokolli riveduti tal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba l-pandemija huma kollha f’posthom.
Il-protokolli jirriflettu wkoll ir-rata ta’ tilqim b’saħħitha fost dawk li jaħdmu fl-iskejjel u anke l-istudenti.
Fil-fatt, aktar minn ħamsa u tmenin fil-mija tal-istudenti li għandhom minn sittax-il sena ’l fuq, u tlieta u sebgħin fil-mija tal-istudenti ta’ bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena, huma mlaqqma kontra l-Covid-19.
Minkejja dan, anki biex jiġu rispettati d-distanzi stipulati fl-iskejjel, infetħu mija u disa’ klassijiet addizzjonali; jiġifieri tlieta u għoxrin klassi aktar mis-sena li għaddiet.
Minħabba l-ftuħ ta’ aktar klassijiet, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar ukoll li tnejn u tmenin għalliem tal-primarja li qegħdin fis-servizz peripatetiku, ingħaqdu ma’ tnejn u għoxrin oħra li wrew interess, biex jingħataw klassi ħalli jgħallmu matul din is-sena skolastika.
Matul is-sajf kien għaddej ukoll programm sħiħ ta’ manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex, biex jilqgħu lill-istudenti u lill-edukaturi f’ambjent xieraq għat-tagħlim edukattiv.
Dan il-programm jikkumplimenta l-proġetti ta’ bini, estensjonijiet u xogħol ta’ rinovar fl-iskejjel li qed isiru b’investiment mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ta’ €35 miljun f’Għawdex u €50 miljun f’Malta.
B’rabta ma’ dan kollu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana rringrazzjat lill-ħaddiema kollha fl-iskejjel għas-sagrifiċċju tagħhom fiċ-ċirkostanzi.