Żewġ skejjel tal-Primarja, dik ta’ Ħal Lija u oħra ta’ Ħaż Żebbuġ, ġew mogħtija l-Premju ta’ Dyslexia Friendly School – inizjattiva tas-Servizzi għad-Diffikultajiet Speċifiċi fit-Tagħlim, mid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Waqt iċ-ċerimonja l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Dr Owen Bonnici rrikonoxxa li inizjattivi bħal dawn jgħinu sabiex jippromwovu iżjed inklussività fl-iskejjel sa’ minn età żgħira. “L-ewwel darba li ngħata dan il-premju kien f’Mejju tal-2018. Fil-preżent għandna 28 skola li qed jieħdu sehem fl-inizjattiva sabiex ikunu Dyslexia Friendly. Jidher li l-iskejjel qegħdin juru interess fil-metodi u prinċipji li huma mħeġġa mis- Servizzi għad-Diffikultajiet Speċifiċi fit-Tagħlim għalhekk inħeġġeġ iktar skejjel sabiex anki huma jipparteċipaw f’inizjattivi bħal dawn. Fil-fatt, jidher li 9% tal-popolazzjoni ta’ studenti fl-iskejjel bejn ir-4 Sena u l-11-il sena qed jesperjenzaw diffikultajiet relatati ma’ dislessija, u bl-introduzzjoni tad-Dyslexia Friendly School qegħdin insaħħu l-għarfien dwar id-dislessija u studenti relattivi.”
Il-Kapijiet tal-iskejjel ta’ Ħal Lija u Ħaż Żebbuġ tkellmu dwar kif inħolqot kuxjenza fuq id-dislessija mal-għalliema, ġenituri u studenti. Ġew maqsuma wkoll il-ħsibijiet fuq l-istrateġiji li ġew implimentati mill-iskejjel biex isiru dyslexia friendly.
L-inizjattiva ta’ Dyslexia Friendly Schools ġiet introdotta fl-2015. It-tim inkarigat wera l-istrateġiji bżonnjużi għall-qari, ortografija u studju li huma essenzjali għal studenti bid-dislessija u ta’ benefiċċju għal kulħadd speċjalment dawk l-iskejjel li kienu interessati. Is-Servizzi għad-Diffikultajiet Speċifiċi fit-Tagħlim huwa magħmul minn tim ta’ 19-il edukatur li jispeċjalizzaw fid-dislessja u l-metodi ta’ kif persuna tista’ tappoġġja lil studenti li jesperjenzaw diffikultajiet relatati mad-dislessja.