Gozo College Middle School intgħażlet bħala l-iskola li se tirrappreżenta lil Malta fil-programm internazzjonali tal-Water Explorer. Issa, din l-iskola se tkun qed turi l-impenn tagħha favur il-konservazzjoni tal-ilma waqt okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni internazzjonali f’Ottubru li ġej f’Canary Wharf f’Londra. L-aħjar iskola minn kull wieħed mit-12-il pajjiż parteċipant se tkun preżenti.
L-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fil-Kulleġġ Santa Klara u l-Iskola Laura Vicuna kisbu t-tieni u t-tielet post rispettivament. L-avveniment li ġġudika r-riżultat wera li ftit kien hemm differenza fir-riżultati miksuba peress li l-iskejjel kollha ħadu azzjonijiet innovattivi fit-tfittxija tagħhom biex jiffrankaw l-ilma u jqajmu kuxjenza dwar l-użu differenti tal-ilma, speċjalment dak li jissejjaħ hidden water (*). Ta’ min jinnota li l-ħames skejjel Maltin li kkwalifikaw għall-finali kienu fil-fatt kollha qegħdin jokkupaw l-aqwa ħames postijiet internazzjonali minn fost 3,500 skola parteċipanta minn madwar id-dinja.
It-tmien finalisti kkwalifikaw wara li ħadu diversi miżuri dwar il-konservazzjoni tal-ilma l-aktar bi proġetti appoġġjati minn għotjiet finanzjarji offruti mill-HSBC Malta Water Programme. Il-ħames finalisti l-oħra kienu: Kulleġġ San Nikola Skola Primarja tar-Rabat, Kulleġġ Santa Margerita Skola Primarja tal-Kalkara, Mater Boni Consilii St Joseph School ta’ Raħal Ġdid, Kulleġġ Maria Regina – Dun Manwel Attard Young Adult Education Resource Centre tal-Wardija u St Ignatius College Middle School f’tal-Ħandaq.
Andrew Beane, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta, qal: “Hi ħaġa meraviljuża li tara żgħażagħ hekk impenjati favur il-konservazzjoni tal-ilma li hu riżors li qed isir dejjem iktar prezzjuż. Kburin li qed nappoġġjaw is-suċċess tal-iskejjel Maltin u Għawdxin li litteralment, f’din l-inizjattiva, jinsabu quddiemnett mid-dinja kollha. Nawguraw l-aqwa suċċess lill-Gozo College Middle School għall-finali globali li se jsiru f’Londra aktar tard din is-sena.”
‘Water Explorer’ hu programm onlajn internazzjonali maħsub biex jispira eluf ta’ studenti biex isiru ‘esploraturi tal-ilma’ u jmexxu inizjattivi kemm fl-iskejjel kif ukoll fil-komunitajiet lokali. Il-programm inbeda f’Malta f’Novembru 2017 u qed ikun ikkoordinat minn Nature Trust – FEE Malta permezz tal-programm Eko-Skola.
Immexxi mill-NGO Global Action Plan, il-programm qed jitwettaq ukoll fi Franza, il-Ġermanja, l-Isvizzera, l-Italja, Spanja, it-Turkija, il-Polonja, l-Afrika t’Isfel, Irlanda u r-Renju Unit. L-iskejjel parteċipanti jkunu mħeġġa jikkuntattjaw skejjel minn pajjiżi oħra u biex magħhom jaqsmu ideat u l-aqwa soluzzjonijiet favur miżuri li jibżgħu għall-ilma. Ir-riżorsi onlajn huma konformi mal-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals) tan-Nazzjonijiet Uniti u huma ideali għal dawk li għandhom bejn it-8 u l-14-il sena, iżda jistgħu jintużaw xorta waħda minn studenti iżgħar jew ikbar fl-età.