L-għada tal-epifanija l-iskejjel se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom wara l-btajjel tal-Milied, sabiex l-istudenti jkomplu bit-tagħlim tagħhom fuq il-bank tal-iskola.
F’kummenti li ta l-President tal-Union għall-Għalliema Marco Bonnici ma’ dan l-istazzjoni, qal illi s-sitwazzjoni preżenti tindika li l-iskejjel għandhom jerġgħu jiftħu wara l-vaganzi.
Dan għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħrajn fl-Ewropa fosthom fir-Renju Unit u l-Ġermanja fejn l-iskejjel jew ingħalqu qabel il-vaganzi tal-Milied jew mhux se jerġgħu jiftħu wara l-festi.
Dan hekk kif dawn il-pajjiżi, in-numru ta’ infezzjonijiet żdiedu b’mod qawwi.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici stqarr: “Is-sitwazzjoni, fl-indikazzjonijiet li għandna hija simili għal qabel ma waqafna bil-holidays tal-Christmas, jiġifieri, prattikament l-iskejjel se jkunu qegħdin jiftħu kif anke qal il-Gvern. Issa l-jiem li ġejjin se jkunu kruċjali, jiġifieri ħa naraw is-sitwazzjoni, x’se jiġri fil-jiem li ġejjin; partikolarment il-virus u l-varjant jekk hux se jkun qed jaffettwa s-sitwazzjoni fl-iskejjel u mbagħad nieħdu d-deċiżjonijiet minn hemm.”
Is-Sur Bonnici sostna li l-Union tinsab f’kuntatt kontinwu mal-Gvern.
Intant, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana saħqet illi f’din is-sena skolastika l-Gvern investa mat-tletin miljun ewro iżjed fil-qasam edukattiv, biex daħlu fis-seħħ miżuri li jilqgħu kontra l-imxija tal-COVID-19; għalhekk l-iskejjel jistgħu jibqgħu miftuħin filwaqt li tiġi żgurata saħħet l-istudenti u l-ħaddiema fl-iskejjel tagħna.
Il-Ministru Caruana sostniet ukoll illi l-Ministeru qed ikun f’diskussjonijiet kontrinwi mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi jkunu aktar siguri kontra l-imxija.
F’waħda mil-laqgħat fil-Kunsill għal Ministri Ewropej spikkat il-ħsara li ssir meta l-istudent ikun ‘il bogħod mill-bank tal-iskola u għalhekk saħqet dwar il-bżonn li l-edukazzjoni tingħata f’ambjent ta’ skola.
Il-Ministru Caruana stqarret: “L-effett tal-iskola ma tistax tissostitwih bl-iskola virtwali u billi toqgħod id-dar, jiġifieri l-ambjent tal-iskola huwa healthy, huwa san allura rridu nippromovuh kemm jista’ jkun. Allura l-appell tiegħi biex kemm jista’ jkun min m’għandux għalfejn joqgħod id-dar, jattendi l-iskola b’mod regolari.”
Fl-appell tagħha, l-Ministru qalet li huwa fid-dover ta’ kulħadd li f’każ li xi ħadd iħoss is-sintomi jagħmel it-test filwaqt li jibqa’ iżolat biex b’hekk ilkoll ngħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija u ma jkunx hemm xkiel fis-sistema edukattiva.