L-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex huma konformi mal-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Informazzjoni li kiseb ONE News turi li l-iskejjel kollha ġew iċċertifikati mill-ispetturi tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA.
Din l-aħbar ħarġet fl-istess jum li mal-10,000 edukatur fosthom għalliema u LSEs irritornaw f’107 skola sabiex jippreparaw għad-dħul tal-istudenti fl-iskejjel tal-istat.
Skejjel oħrajn, fosthom dawk privati bdew anki jilqgħu l-istudenti mil-lum.
B’hekk l-iskejjel qed jiftħu kif pjanat u l-edukaturi fi skejjel oħra li għad irid jilqgħu l-istudenti daħlu anki biex jidraw it-tibdil li sar biex it-tagħlim ikun jista’ jingħata konformi mal-protokolli ffissati mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-unjin tal-għalliema laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li l-istudenti jidħlu fl-iskejjel tal-istat fuq medda ta’ ġimgħa.
L-iskejjel tal-Knisja segwew anki dan il-pass.
L-MUT saħqet li huwa importanti li l-edukaturi jidħlu fl-iskejjel mil-lum.