Il-Prostituzzjoni – għandha tkun karriera li l-iskejjel jintroduċu lill-istudenti għaliha. Dan huwa kliem Dennis Parsons, Kunsillier Demokratiku Liberali, li għamel dan il-kumment waqt sessjoni speċjali dwar is-sess u l-impjieg.
Huwa spjega li ma jaqbilx li skont il-linji gwida preżenti, l-guidance teachers, ma jistgħux jissuġġerixxu l-prostituzzjoni bħala karriera lill-istudenti fl-iskejjel. Parsons li huwa missier ta’ ħamest itfal, stqarr li l-fatt li qegħdin nistaqsu jekk għandniex inwaqqfu ż-żgħażagħ tagħna milli jaħdmu bħala prostituti, hija parti minn din il-problema.
Il-Kunsillier qabbel din il-professjoni ma’ dik tal-accountants, u saqsa lin-nies preżenti: “Għalfejn ma nwaqqfuhomx milli jsiru accountants it-tfal?” Fi kliemu spjega li r-raġuni hija li għan-nies hija xi ħaġa komuni, normali u pożittiva li wieħed isir accountant, iżda fejn tidħol il-prostituzzjoni teżisti stigma li titfa dawl ikrah ferm fuq din il-karriera.
Fid-diskors imqanqal tiegħu, huwa qal li minkejja dawk li kienu preżenti għal din is-sessjoni, jqisu ruħhom bħala liberali, xorta waħda għadhom skjavi ta’ kultura li tara l-prostituzzjoni minn għajn ħażina.