Malta Public Transport ser tkun topera fuq skeda differenti matul il-perjodu tal-Milied.
Mis-26 sat-30 ta’ Diċembru 2017, il-karozzi tal-linja ser joperaw fuq l-iskeda tas-Sibt matul il-ġranet tat-Tnejn sal-Ġimgħa, waqt li jaħdmu bħas-soltu nhar ta’ Sibt.
Is-servizz fuq rotot li normalment joperaw biss matul il-ġimgħa (49, 50 u 90) xorta ser jingħata matul din il-ġimgħa. Ir-Rotta TD2 (Ajruport għal San Ġiljan) ser taħdem bħas-soltu u r-rotta TD13 ser topera kull 60 minuta mis-26 sad-29 ta’ Diċembru.
Barra minn hekk, bħal fis-snin preċedenti, il-Malta Public Transport ser topera servizz ridott fil-Milied u fl-Ewwel tas-Sena. F’dawn il-jumejn is-servizz ser jiġi sospiż bejn l-12:00 u t-15:00 u l-aħħar vjaġġ tal-ġurnata ser ikun fid-21:00.
Il-Malta Public Transport tixtieq tgħarraf lill-klijenti tagħha li ħwienet u l-Contact Centre ser ikunu magħluqin fil-Milied u fl-Ewwel tas-Sena.