Bl-introduzzjoni ta’ miżuri li ddaħħlu s-sena l-oħra, fosthom l-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart ikkoordinata mill-Kunsilli Reġjonali u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, kien hemm tnaqqis ta’ tlieta u għoxrin (23) fil-mija fl-iskart imħallat miġbur u żieda ta’ ħamsa u tletin (35) fil-mija għall-iskart organiku miġbur separatament.
Dan intqal fi stqarrija mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA hekk kif ħeġġet lill-konsumaturi jużaw boroż suwed trasparenti meta jarmu l-iskart li suppost jintrema bil-borża s-sewda. Dan skont regolamenti li deħlin fis-seħħ mill-ewwel ta’ Lulju.
F’din il-borza għandhom jintremew oġġetti li mhux meqjus bħala skart organiku, riċiklabbli jew li jistgħu jerġgħu jintużaw, u lanqas skart perikolużi jew mediċinali.
Intqal kif dan hu pass ieħor biex aktar persuni jisseparaw l-iskart kif suppost. L-ERA tenniet li l-konsumaturi aktarx diġa nnotaw differenza fil-boroż suwed li jinxtraw minn diversi ħwienet. Dan għaliex bosta ħwienet ingħaqdu fl-isforzi tal-ERA biex jappoġġjaw is-seperazzjoni tal-iskart kif suppost.
L-ERA qalet li se tkompli tkun ta’ appoġġ għall-pubbliku fl-użu mandatorju ta’ boroż suwed li huma trasparenti billi tippermetti perjodu tranżitorju.
Ġie mtenni kif l-ERA se tkompli tqajjem aktar kuxjenza għaliex l-impenn tal-pubbliku għas-separazzjoni tal-iskart kif suppost jgħin fil-preservazzjoni tal-ambjent, fit-tnaqqis tat-tniġġis u l-iskart permezz ta’ pratiċċi tajbin tar-riċiklaġġ.
F’din l-istqarrija, l-ERA tenniet li mhu se jkun hemm l-ebda tibdil fl-iskeda eżistenti tal-ġbir tal-iskart.