WasteServ nediet kampanja ta’ informazzjoni fuq l-akbar investiment fl-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna, li se jkun qed jibdel il-mod kif pajjiżna jamministra l-iskart b’erba impjanti ġodda fil-kumpless tal-WasteServ.
Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca spjega li l-kampanja ECOHIVE titratta l-ambjent u s-sostenibbiltà, u tfakkar fil-bejta tan-naħal li dejjem tkun attiva u mimlija enerġija.
Bilocca stqarr, “Bħan-naħla li tippolina l-fjuri, ittina l-frott, u wara dan ix-xogħol kollu tipproduċi l-għasel, dawn l-impjanti ħa jkunu qegħdin isolvu problema ambjentali, ħa jagħtu użu ambjentali kbir fejn flok l-iskart ħa jibqa’ jintrema’ u jintradam ġol-miżbliet, dan ħa jibda jiġi trattat bl-aqwa mod ambjentali possibbli imma wkoll bħan-naħla bħalma hi tagħmel l-għasel, dawn l-impjanti ħa jkunu qed ituna riżorsi ġodda bħall-kompost għall-agrikoltura u anki eneġija elettrika.”
Ic-Chairperson tal-Wasteserv, il-Professur Frank Bezzina, spjega li l-kumpanija għaddejja minn proċess ta’ ristrutturar komprensiv biex ittejjeb il-ħidma ambjentali fil-qasam tal-iskart.
Żied li b’dan il-proġett, il-kumpanija se tħaddan il-kunċett tal-ekonomija ċirkolari, għaliex qed timmira li jintlaħaq bilanċ fuq żewġ binarji.
Il-Professur Bezzina qal, “Fuq naħa waħda għandek numru ta’ limitazzjonijiet fosthom il-fatt li Malta pajjiż żgħir u allura qed insibuha diffiċli biex insibu spazju għall-iskart, għandek ukoll tkabbir ekonomiku u allura qed ikollok aktar skart ġej lejn il-WasteServ. Fuq in-naħa l-oħra għandek il-poplu Malti li qed isir aktar konxju tal-ambjent u għatxan għal ambjent aħjar.”
Il-kampanja għandha l-għan li tixpruna aktar għarfien fost il-pubbliku dwar l-importanza tas-separazzjoni tal-iskart, u tmur id f’id max-xogħol li qed jagħmel il-Ministeru għall-Ambjent li bħalissa qed jiffinalizza l-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart.
ECOHIVE se tindirizza b’mod partikolari lit-tfal, bl-użu ta’ materjal edukattiv li jispjega l-benefiċċji ambjentali tal-proġett.