Matul l-2018, l-iskart ġġenerat f’pajjiżna naqas bi kważi ħamsa fil-mija (4.8%), meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika turi li l-iskart solidu f’pajjiżna matul l-2018 kien ftit inqas minn 2,600,000 tunnellata.
Skart li ma jagħmilx ħsara naqas bi ftit aktar minn 4.3% filwaqt li l-iskart meqjus bħala perikoluż u ta’ ħsara għal saħħet il-bniedem naqas ferm aktar. Fil-fatt l-NSO qal li f’sena waħda dan it-tip ta’ skart naqas bi ftit aktar minn 34.1%.
Matul l-2018, l-impjant tat-trattament mekkaniku u bijoloġiku fit-Tramuntana tal-pajjiż, jiġifieri dak fil-Magħtab tratta xejn inqas minn 71,778 tunnellata.
Dan ifisser żieda ta’ 28.1% fuq is-sena ta’ qabel.
L-NSO spjega li l-biċċa l-kbira ta’ dan it-tip ta’ skart intefa’ fil-landfill tal-Għallis.
Fil-fatt f’tal-Għallis kien hemm żieda ta’ kważi żewġ perċentwali u nofs (2.4%) ta’ skart li ntefa’.
Mill-banda l-oħra l-iskart trattat fl-impjant ta’ Sant’Antnin naqas b’6.4%.
L-ammont ta’ skart li nħaraq fl-inċineratur fil-Marsa naqas bi kważi 7 fil-mija (6.8%).
Intant matul l-istess sena li l-NSO ġabar din l-informazzjoni, beda jinġabar għalih madwar il-pajjiż, l-iskart organiku.
Dan l-iskart miġbur tela’ għal 4,327 tunnellata.