Sena mit-tnedija tal-kampanja nazzjonali tal-Borża l-bajda, inġabru mal-25,000 tunnellata ta’ skart organiku.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar kampanja oħra li permezz tagħha, il-pubbliku ser ikun jista’ jarmi l-mediċina skaduta f’kontenituri apposta fl-ispiżeriji fil-lokalità tagħhom.
Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera spjega li matul din l-ewwel sena biss inġabru 25,000 tunnellata ta’ skart organiku biex b’hekk l-iskart fil-borża s-sewda naqas bin-nofs.
Il-Ministru Herrera stqarr “Skart organiku kien proġett li għamilna s-sena l-oħra li naqqasna l-borża s-sewda bin-nofs.”
“Kemm jista’ jkun, il-materjal ġol borża s-sewda jibqa’ jonqos biex eventwalment il-borża s-sewda tkun ombra ta’ dak li kienet.”
Madankollu saħaq li dan mhux biżżejjed u għalhekk permezz ta’ din il-fergħa mill-kampanja Sort it Out b’investiment ta’ madwar 100,000 ewro issa fl-ispiżeriji madwar Malta ser jitpoġġa kontenitur apposta għar-rimi ta’ mediċini skaduti jew li m’għadhomx jintużaw.
Dan sabiex jiġi evitat li l-mediċini jkomplu jintremew fil-borża s-sewda jew fid-dranaġġ bir-riżultat li jkun ta’ detriment kemm għas-saħħa tan-nies u anke għall-ambjent.
Iċ-Chairman ta’ Wasteserv, David Borg spjega li s’issa madwar 60% tal-ispiżeriji madwar Malta diġà għażlu li jieħdu sehem f’din l-iskema.
Spjega kif issa l-pubbliku mistenni l-ewwel jarmi l-kaxxa tal-mediċini fil-borża tar-riċiklar u l-pilloli fil-kontenitur fl-ispiżerija.
Borg sostna li “Se ssib dan il-kontenitur. Inti huwa faċli biex tkun tista’ tarmi din il-mediċina skaduta. Tajjeb li ngħidu li wara li tarmihom ma jistax ikollok aċċess għalihom ħlief tal-pharmacy.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia spjega kif il-kampanja Sort it Out qed isir b’investiment ta’ madwar 8,400,000, b’7 miljun ewro ġejjin minn Fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Deo Debattista ħeġġeġ lill-pubbliku jarmi l-mediċina fil-kontenituri apposta għalihom.
Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne appoġġja din l-iskema u assigura li aktar spiżeriji mistenniha jaċċettaw dawn il-kontenituri sabiex l-iskema tkun aktar aċċessibbli għal pubbliku.