B’reazzjoni għall-iskema tal-Covid Wage Supplement ġdida li ħabbar il-Gvern it-Tlieta filgħodu, kienu bosta l-imsieħba soċjali li faħħruha.
Waqt l-istess konferenza ONE News ħa l-kummenti tal-isħab soċjali li tul id-djalogu għenu jfasslu din l-iskema.
Fost oħrajn spikkaw il-kummenti pożittivi tal-imsieħba soċjali dwar il-fatt li issa kumpaniji u negozji se jingħataw il-Covid Wage Supplement għal ħaddiema li ngaġġaw minn wara Mejju li għadda b’mod retroattiv minn Ottubru.
Matthew Pace li membru tal-ACE stqarr: “Is-suġġerimenti tagħna ntlaqgħu b’mod pożittiv immens jiġifieri s-settur tagħna huwa l-iktar li hemm turn over of staff u l-fatt li issa r-replacements sa mill-aħħar ta’ Mejju jistgħu jiġu implimentati se jkun ta’ sostenn kbir għall-industrija tagħna.”
Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia qal: “Dawk in-negozji li tterminaw xi nies imma bidluhom matul dan il-perjodu xorta ħa jieħdu l-Wage Supplement fuq dawk in-nies li jkunu impjegaw u dan naħseb li huwa importanti biex inżommu n-negozji għaddejjin fix-xhur li ġejjin.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb stqarr: “Pereżempju jkollok restaurant u l-kok spiċċa s-sena l-oħra u allura l-kumpanija tilfet il-Wage Supplement ta’ dak l-impjegat issa qed naraw li dak ir-replacement tiegħu li huwa essenzjali biex il-business ikompli huwa kopert minn Ottubru lil hawn.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat saħaq: “Hekk kif ġiet reviewed l-iskema tal-wage supplement hekk kif rajna dalgħodu din is-sitwazzjoni qed tibqa’ tiġi magħrufa mill-Gvern.”
Il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela qal: “Kienet pożittiva wkoll ir-replacement. Kellna ħafna mill-membri tagħna li bdew jgħidulna li bdew isibu diffikultà issa din ġiet irranġata u nisperaw li solviet din il-problema.”
Intant faħħru wkoll kif l-iskema l-ġdida ħa tkun iffukata b’kategoriji differenti fuq it-telf tan-negozji meta kkumparat mal-2019.
Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia sostna: “Anki li ġej modfikati b’tali mod li ħa tkun ibbażata fuq it-telf tal-bejgħ flok fuq in-NACE codes kif kienet qabel u bl-appendises jiena naħseb li huwa tibdil pożittiv.”
Min-naħa tiegħu, David Xuereb saħaq: “Qed narawha gradwatorja u ġusta li tagħti lil min verament ħaqqu u tagħti inqas lil min ma marx ħażin daqs kemm ħaseb.”
Huma appellaw ukoll sabiex in-negozji jersqu lejn il-Malta Enterprise sabiex jesploraw skemi oħra eżistenti li diġà hemm għal aktar tkabbir fin-negozju anke għal wara Marzu li ġej.