Laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD), li ssejħet fuq talba tas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, trattat is-suġġett tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Din il-laqgħa ġiet indirizzata mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li jeħtieġ li jkun hemm impenn sħiħ minn dawk kollha involuti biex tissaħħaħ il-kultura favur aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol filwaqt li jitfissru aħjar x’inhuma r-responsabbiltajiet ta’ kulħadd f’dan il-qasam.
Huwa żied jgħid li hemm bżonn li ssir diskussjoni wiesgħa dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol fid-dawl tat-tibdil li qed iseħħ fid-dinja tax-xogħol, fejn għandha tingħata importanza lix-xogħol ripetittiv, is-saħħa mentali u riskji oħra li jġibu magħhom prattiċi ġodda tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul irrimarka li huwa tajjeb li niddiskutu l-liġijiet li rridu nagħmlu u ntejbu biex naraw li verament ikun hemm sigurtà fuq il-post tax-xogħol, madanakollu huwa importanti li l-liġijiet mhux biss ikunu fuq il-karta, imma jiġu segwiti u li jkun hemm infurzar denju wkoll.
Żied jgħid li f’dan ir-rigward, hemm bżonn ukoll bidla fil-mentalità minn kulħadd sabiex jiġu osservati l-istandards tas-sigurtà u tas-saħħa.