“Ir-reġjun hu eqreb aktar minn qatt qabel tal-possibbiltà ta’ gwerra internazzjonali u, għaldaqstant, nibqgħu bl-isforzi tagħna fil-fora internazzjoanli u anke fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex dan il-konflitt reġjonali jitrażżan illum qabel għada.”
Dan kien il-messaġġ li għamel id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, waqt li ta stqarrija ministerjali fl-ewwel seduta Parlamentari wara l-btajjel tas-sajf.
Sena mindu eskala l-konflitt fil-Lvant Nofsani, li wassal ukoll biex jinqatlu u jinħatfu ċittadini Iżraeljani, waqt li b’ritaljazzjoni nqatlu aktar minn 41,000 Palestinjan, fil-maġġoranza nisa u tfal, id-Deputat Prim Ministru kompla jtenni l-messaġġ qawwi Malti, kif twassal fl-aħħar żmien fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, u l-Unjoni Ewropea, fost l-oħrajn.
Fil-Parlament, Dr Borg spjega li quddiem dawn l-attakki feroċi u barbari, pajjiżna dejjem baqa’ konsistenti, inkluż biex l-ostaġġi tal-attakk tas-7 ta’ Ottubru 2023 jinħelsu b’mod immedjat u mingħajr l-ebda kundizzjoni.
Hawn id-Deputat Prim Ministru tenna li l-ħidma tal-komunità internazzjonali trid tissokta biex jiġi żgurat li attakki bħal dawn ma jibqgħux iseħħu.
Quddiem l-għafsa ta’ qalb tal-Libanu, li għadu qed isofri daqqa wara oħra b’diffikultajiet kbar fl-eskalazzjoni tal-konflitt fir-reġjun, Ian Borg qal li pajjiżna jibqa’ jesigi li liġijiet umanitarji għandhom jitħarsu minn kulħadd.
Hawn anke semma l-ħaddiema Maltin li hemm bħalissa fil-Libanu, li jinsabu f’kundizzjonijiet tajbin.
Qal, “Id-Direttorat tas-Servizzi tana jinsab f’kuntatt ma’ madwar għaxar persuni ta’ ċittadinanza Maltija li jinsabu fil-Libanu. Qed nħadmu wkoll ma’ pajjiżi oħrajn biex jekk dawn juru x-xewqa li jiġu evakwati, nikkordinaw magħhom l-għajnuna kollha meħtieġa.”
Fil-Parlament intqal ukoll kif irrid jiġi zgurat li l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Awtoritajiet tal-Libanu, jaraw li l-għajnuna umanitarja titwassal fejn hemm bżonn.
Id-Deputat Prim Ministru rrefera għall-ħidma li għamel pajjiżna f’dan ir-rigward, fejn fakkar kif tul il-mandat ta’ pajjiżna fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda, Malta mexxiet riżoluzzjoni li wasslet biex ikun hemm pawża ta’ ġlied f’Gaza.
Hawn anke tkellem fuq l-aħħar żviluppi fir-reġjun, fejn il-Ministru Borg ikkundanna l-attakki tal-Iran fuq Iżrael, fejn sejjaħ biex jiġu onorati l-obbligi internazzjonali u ma jkomplux jiżdiedu t-tensjonijiet.
Qal, “Għalhekk Sur President, Malta tkompli tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex ikunu kawti fir-reazzjoni tagħhom. Aħna se nkomplu nkunu attivi fl-Unjoni Ewropea mal-Ġnus Maqgħuda, fir-rwol tagħna ta’ membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà sal-aħħar tas-sena biex inkomplu bil-missjoni tagħna bħala vuċi tar-raġuni anke għal dan ir-reġjun li jinsab qrib tagħna.”