Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza konferenza annwali organizzata mid-Direttorat għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru, fl-okkażjoni ta’ Jum Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data.
L-għan tal-konferenza kien li tingħata ħarsa lejn l-iżviluppi li saru matul l-aħħar sena fil-qasam tal-protezzjoni tad-data b’enfasi fuq ir-riforma li ġabet fis-seħħ il-GDPR u kif l-Unjoni Ewropea permezz ta’ dan ir-regolament ħolqot standards ġodda f’dan il-qasam.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/05163236/WhatsApp-Image-2025-02-05-at-4.21.40-PM-1024x683.jpeg)
Il-Ministru Attard tkellem dwar kif l-irwol tal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data qed jevolvi permezz ta’ żviluppi teknoloġiċi u legali, u għaldaqstant qed jiżdied fl-importanza tiegħu.
“F’dan il-kuntest nixtieq nenfasizza dwar l-importanza tal-edukazzjoni u l-għarfien fejn quddiem settur li qed jevolvi, iċ-ċittadini għandhom jifhmu d-drittijiet tagħhom taħt il-GDPR u jingħataw is-setgħa li jeżerċitawhom”, sostna l-Ministru Attard filwaqt li tenna dwar l-importanza li jinġibed ħabel wieħed biex l-isfidi ppreżentati mill-AI jinbidlu f’opportunitajiet.
Fl-indirizz tiegħu, il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara spjega dwar il-ħidma tiegħu biex jindirizza l-ilmenti dwar proċessar ta’ data u ta rendikont ta’ xi deċiżjonijiet importanti li ttieħdu f’dan ir-rigward. Huwa semma’ kif f’kull deċiżjoni, in-nuqqasijiet dejjem juru li kontrolluri għandhom jaħdmu b’sens ta’ ġustizzja u tassew iħaddnu l-prinċipju ta’ protezzjoni fil-konfront tad-data personali li jiproċessaw.
Indirizzaw din il-konferenza wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni s-Sur Johan Galea, l-uffiċjal mill-Kummissjoni Ewropea Dr David Ciliberti, is-Sa Davida Flores u s-Sa Samantha Muscat mid-Direttorat għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru u Dr Marco Fagnano mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.