Il-litteriżmu tal-midja huwa essenzjali biex is-soċjetà tkun infurmata u kapaċi tiddistingwi bejn il-fatti u dak li mhuwiex minnu.
Dan ħareġ waqt konfernza fil-Mużew Marittimu, iffukata dwar is-suġġett tal-midja, li laqqgħet fiha akkademiċi tal-midja, ġurnalisti, rappreżentanti ta’ stazzjonijiet lokali, influencers, kif ukoll letturi li jagħlmu s-suġġett tal-midja.
Matul il-konferenza, il-parteċipanti ddiskutew kif il-midja tista’ tkun aktar ta’ għajnuna u ta’ għarfien għall-kulħadd.
Ġie spjegat li f’dinja fejn id-diżinformazzjoni qed tiżdied b’rata mgħaġġla, Malta qed tieħu passi konkreti biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pubbliku fit-tfittxija u l-verifika tal-informazzjoni.
Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li l-fake news hija sfida serja għad-demokrazija u s-soċjetà tagħna għaliex id-diżinformazzjoni qed tinxtered b’veloċità allarmanti u tħalli impatt fuq l-opinjoni pubblika u saħansitra ddgħajjef il-fiduċja fix-xjenza u l-istituzzjonijiet.
Il-Ministru Bonnici tenna li huwa kruċjali li nsaħħu l-litteriżmu tal-midja, speċjalment fost iż-żgħażagħ, biex nitgħallmu niċċekkjaw il-fatti u niddefendu l-verita.
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Media Literacy Development Charles Cassar spjega l-pjanijiet tal-bord għas-snin li ġejjin, fejn qal li fost affarijiet oħra se jibda jiġi ppreparat materjal edukattiv li se jitqassam lil-letturi fl-iskejjel, kif ukoll se jsiru sessjonijiet ta’ taħriġ kemm għall-edukaturi kif ukoll għal persuni anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-ġurnata.
Il-konferenza kienet maqsuma f’ żewġ sessjonijiet. Fl-ewwel sessjoni, panel ta’ esperti ddiskuta d-diżinformazzjoni u l-fake news, filwaqt li fit-tieni sessjoni, saru workshops fejn l-esperti fl-udjenza taw il-kontribut tagħhom b’soluzzjonijiet konkreti dwar kif nistgħu nsaħħu l-litteriżmu tal-midja fil-komunità.