Eluf ta’ Maltin marru l-ġonna tal-Buskett għall-Imnarja, il-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Din il-festa tmur lura għal żmien il-kavallieri, meta kienu jieħdu l-opportunità għal jum ta’ divertiment aktar mis-soltu.
Hija wkoll festa tal-bdiewa, hekk kif illum jimmarka tmiem l-istaġun agrarju. Bdiewa li dan l-istaġun ma kienx daqshekk tajjeb għalihom, minħabba n-nuqqas ta’ xita. Qalulna wkoll li jinsabu mħassba bl-ammont ta’ xita barra minn żmienha li għamlet f’dawn il-jiem, li tagħmel aktar ħsara milli ġid.
Fil-Buskett hemm diversi sezzjonijiet ta’ interess, li lkoll żarhom is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.
Biżżejjed insemmu l-kompetizzjoni tan-nagħaġ, li hija maqsuma f’żewġ kategoriji, dak tas-sbuħija u ta’ min jaħleb l-aktar ħalib.
Sezzjoni oħra hija tal-fniek, bir-razza tal-fniek ‘Rex’ tiġbed interess kbir. Il-pil bellusi ta’ dawn il-fniek servi ta’ terapija għat-tfal. Infatti kien hemm sezzjoni apposta fejn tfal u adulti setgħu jieħdu gost b’dawn l-annimali ħelwin.
Hemm ukoll festa ta’ għana u ikel tradizzjonali, bħal fniek, laħam taż-żiemel, bebbux u mqaret. Dan minbarra kull tip ta’ frott u ħaxix, ħidmet il-bdiewa Maltin.
Sezzjoni oħra hija dedikata għall-baqar.