Dawn kienu wħud mill-mistoqsijiet tat-tfal li għamlu lil Prim Ministru.
Ħerqana biex jisimgħu l-messaġġ tal-Prim Ministru f’dan il-mument ta’ sfida, it-tfal ma qagħdux lura li jsaqsu li jħossu dwar il-pandemija tal-Coronavirus waqt konferenza online bejn il-Prim Ministru u t-tfal.
Il-Prim Ministru weġibhom b’mod ċar u qalilhom li f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji l-isbaħ kwalitajiet tal-poplu Malti huma l-għaqda u s-solidarjetà.
Huwa stqarr: “L-isbaħ kwalità tal-Maltin illum hija l-għaqda tagħhom. L-għaqda, is-solidarjetà li jien tant kburi minnha li kulħadd mhux qed jaħseb fih innifsu imma qed jaħseb fil-ġar tiegħu, qed jaħseb fil-ġenituri tiegħu, qed jaħseb fin-nanniet tiegħu, qed jaħseb fin-nanniet tiegħu li qegħdin inkunu tant altruwisti f’dan il-mument.”
Dr Robert Abela spjega liċ-ċkejknin li d-direttivi u l-miżuri f’waqthom li għamel pajjiżna qed nilqgħu tajjeb għall-imxija tal-Coronavirus.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar deċiżjoni iebsa li kellha tittieħed sabiex jingħalqu l-iskejjel.
Dr Abela spjega: “Kellna nieħdu deċiżjoni diffiċli fejn ħa nqegħdu l-prijorità, fejn hija l-iktar ħaġa importanti u d-deċiżjoni kienet illi li l-edukazzjoni hija importanti ħafna imma s-saħħa hija l-ewwel prijorità u allura ħadna din id-deċiżjoni biex nippreservaw bl-aqwa mod is-saħħa tal-poplu tagħna.”
Robert Abela appella wkoll lit-tfal sabiex ma jinkwetawx dwar meta ser jinfetħu l-bibien tal-iskejjel madankollu ssuġġerixxa li dawn iżommu rwieħhom preparati u jibqgħu jistudjaw.
Il-Prim ministru qal ukoll: “Fid-deċiżjonijiet kollha li se nieħdu serrħu raskhom li m’għandux għalxiex ikollkhom inkwiet. Iffukaw fuq l-istudji tagħkhom, araw li l-istudji tagħkhom jibqgħu għaddejin bl-aqwa mod possibli. Serrħu raskhom imma li ħa nieħdu ħsieb l-edukazzjoni tagħkhom bl-aqwa mod toqgħodux tinkwetaw.”
Meta mistoqsi jekk huwiex jaħdem mid-dar il-Prim Ministru sostna li xogħlu jirrikjedih li jaħdem minn Kastilja madankollu fi tmiem il-ġimgħa qed jieħu xogħlu d-dar filwaqt li jimxi mad-direttivi kollha tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif is-sitwazzjoni ta’ bħalissa se tgħallimna napprezzaw kemm kienu importanti l-affarijiet sempliċi f’ħajjitna. Huwa temm jgħid li minn dan iż-żmien Malta se toħroġ iktar b’saħħitha.